Bħalissa l-Pulizija qed twettaq rejd kbir fil-Furjana b’rabta mal-omiċidju doppju f’Tas-Sliema.
Nifhmu li l-pulizija qed tarresta persuni suspettati bil-qtil tal-koppja li seħħ bħal-lum ġimgħa f’dar lussuża f’tas-Sliema. Huwa mifhum ukoll li l-Pulizija qed jagħmlu użu minn tagħmir elettroniku bħal-drones sabiex jissorveljaw l-akkwati.
Dan għalkemm kelliem għall-Korp tal-Pulizija ma setax jikkonferma għalissa li diġà saru arresti iżda qal li bħalissa għaddejja operazzjoni mill-pulizija.
Operazzjoni mill-pulizija fil-Furjana b'rabta mal-omiċidju doppju li seħħ f'Tas-Sliema.
Posted by ONE.com.mt on Tuesday, August 25, 2020
Nifhmu li fl-aħħar jiem, il-pulizija mxiet sew fl-investigazzjonijiet u saħansitra ddentifikat xi suspettati fil-qtil tal-koppja.
Ilbieraħ tvm irrapporta li fil-parkeġġ tal-isptar San Luqa instabet l-allegat karozza bajda li ntużat sabiex it-tliet suspettati ħarbu minn fuq ix-xena tad-delitt.
F’din il-karozza SUV ingħad li nstab tagħmir sofistikat li jfixkel il-frekwenzi tal-mobile, tar-radju u l-kameras tas-sigurtà.
Dettalji oħra li għandu f’idejh ONE News jgħidu li l-pulizija eżaminat sensiela ta’ filmati elevati minn kameras tas-sigurtà li jinsabu f’partijiet differenti fil-pajjiż u rnexxielhom jistabilixxu l-vjaġġ tal-karozza l-bajda wara li seħħ il-qtil.
B’hekk, nifhmu li l-pulizija waslet għas-suspettati li allegatament ħallew il-karozza fil-parkeġġ tal-isptar San Luqa.
Aktar dettalji malli jaslulna.