Il-Pulizija fil-Ġermanja kkonfermat li wettqet rejd f’għadd ta’ fergħat tad-Deutche Bank inkluż fil-kwartieri ġenerali tal-bank fi Frankfurt b’rabta ma’ investigazzjoni ta’ ħasil ta’ flus li oriġinat mill-Panama Papers.
Is-sit awtorevoli Blomberg irrapporta li l-Pulizija fil-Ġermanja qalet li qed tinvestiga żewġ impjegati tal-bank, wieħed ta’ 50 sena u ieħor ta’ 46 sena, li huma s-suspettati fil-każ. Il-Prosekuturi qalu li fir-rejds ħadu sehem madwar 170 uffiċjal.
Fi stqarrija, il-Bank ikkonferma li l-pulizija qiegħda tinvestiga bosta fergħat tal-bank fil-Ġermanja b’rabta mal-Panama Papers u qal li qiegħed jikkopera b’mod sħiħ mal-awtoritajiet.
L-ishma tad-Deutsche Bank waqgħu bi kważi ħamsa fil-mija kawża ta’ din l-investigazzjoni.
Fl-aħħar għaxar snin Deutshce Bank nefaq aktar minn $18-il biljun f’multi u biex isib soluzzjoni għall-kwistjonijiet legali.
Investigazzjoni dwar il-Panama Papers żvelat evidenza li Deutshe Bank għen klijenti jwaqqfu kontijiet barra l-pajjiż. L-uffiċjali qalu li r-rejd ma kellux rabta mal-każ tal-ħasil tal-flus mill-bank Daniż Danske Bank li wkoll jinsab taħt akkuża serja ta’ ħasil ta’ flus.
Il-Prosekuturi fi Frankfurt qalu li l-bank Ġermaniż seta’ għen klijenti jwaqqfu kumpaniji barra l-pajjiż. Qal li l-bank seta’ aċċetta flus maħmuġin u naqas milli jirrapporta kontijiet suspettużi li setgħu kienu qegħdin jintużaw għall-ħasil tal-flus.