- Il-liġi Ewropeja tal-privatezza se tiġi aġġornata biex tkopri mezzi ġodda ta’ kommunikazzjoni
- Regoli ta’ privatezza aktar stretti għal mezzi elettroniċi kollha
- Projbizzjoni ta’ “cookie walls” li jimblokkaw aċċess għal sit elettroniku jekk ma jkunx hemm kunsens
Fi stqarrija l-Membri tal-Parlament Ewropew qalu jridu jżidu l-protezzjoni lejn ċittadini li jużaw applikazzjonijiet bħal Messenger, WhatsApp jew Skype, u kull mezz ieħor ta’ komunikazzjoni elettronika.
Abbozz ta’ proposti li jassikuraw livelli għolja ta’ privatezza, kunfidenzjalita’ u sikurezza f’komunikazzjoni elettronika fi ħdan l-UE kien approvat mill-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili il-Ħamis. Dawn il-proposti jkopru servizzi telefoniċi u SMS, u jaġġornaw ir-regoli Ewropej tal-privatezza elettronika eżistenti billi jkopru ukoll servizzi tal-internet bħal WhatsApp, Skype, Messenger u Facebook.
L-abbozz, imfassal minn Marju Lauristin (S&D, ET) jikkostitwixxi l-abbozz tal-mandat ta’ negozjati bejn il-Parlament u l-Kunsill rigward ir-reviżjoni tar-regoli tal-privatezza elettronika. Kien approvat b’31 vot favur u 24 kontra, b’astensjoni waħda.
Il-projbizzjoni ta’ “cookie walls”
Il-MPE jeżiġu li jiġu pprojbiti l-“cookie walls”, li jimblokkaw aċċess għal siti elettroniċi jekk l-utent ma jaċċettax li d-data tiegħu jew tagħha jiġu użati mill-istess sit.
Għandu jkun projbit ukoll l-ispjunar fuq apparat personali permezz ta’ “cookies” jew aġġornament ta’ softwer, kif ukoll it-traċċar ta’ persuni mingħajr il-permess speċifiku tagħhom permezz ta’ “hotspots” pubbliċi jew Wi-Fi fi stabbiliment kummerċjali.
Is-softwer użat għall-kommunikazzjoni elettronika, għandu jkollu bħala mudell “privatezza awtomatika” u l-kumpaniji li jipprovdu s-servizz għandhom jipprovdu kriptaċċ b’saħħtu, jżidu jgħidu.
Għandu dejjem jingħata l-kunsens biex tintuża data personali.
Il-MPE jridu li jkun hemm limitu strett fuq l-ipproċessar ta’ data u jinsistu li din id-data għandha tintuża biss għall-għan li għalih ikun ingħata l-kunsens mill-utent.
L-hekk imsejħa “meta data”, li tista’ tagħti informazzjoni dwar numri telefoniċi wżati, siti elettroniċi li wieħed ikun żar, lokazzjonijiet ġeografiċi, jew id-data u l-ħin ta’ telefonata u data oħra sensittiva, għandhom jiġu meqjusa bħala kunfidenzjali u ma jkunux trażmessi lejn terzi persuni.
Kwotazzjoni
Il-MPE li qed imexxi dan id-dossier Marju Lauristin (S&D, ET) qal: “Il-privatezza elettronika tista’ tagħti vantaġġ kompetittiv lill-kumpaniji Ewropej u tgħinhom joħolqu mudell veru ta’ ekonomija diġitali, b’servizzi tal-ogħla kwalità, fiduċja tal-konsumatur, u għażla ħielsa”.
Il-pass li jmiss
Matul is-sessjoni plenarja tal-ġimgħa d-dieħla ġewwa Strasburgu, il-Parlament se jkun rikjest sabiex formalment jikkonferma d-deċiżjoni tal-kumitat sabiex jibdew in-negozjati mal-Kunsill. Madankollu, il-Kunsill għandu l-ewwel jaqbel fuq il-mandat tan-negozjati tiegħu stess qabel ma jistgħu jsiru t-taħditiet.
Fatti ta’ sfond
L-aħħar li kienet aġġornata d-direttiva preżenti rigward il-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika kien fl-2009. Il-proposta għal reviżjoni ppreżentata mill-Kummissjoni fl-10 ta’ Jannar 2017, tibdel din id-direttiva f’regolament u ġġib ir-regoli konformi mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data li se jkun applikabbli minn Mejju tal-2018.
Ir-regoli tal-privatezza elettronika tal-UE għandhom l-għan li jassiguraw id-dritt fundamentali tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali kif imħaddan fit-Trattati.