Meta tkellem dwar il-qasam tal-kostruzzjoni l-Prim Ministru fuq ONE radio tenna li xi ħaġa kien hemm bżonn li jsir, tant li kienet il-Kamra tal-Periti stess li qalet li s-settur qiegħed fi kriżi. “Ir-regoli sempliċiment jispeċifikaw dak li suppost kien qed isir. Ma naħsibx li dħalna f’sitwazzjoni fejn speċifikament ivvintajna xi ħaġa ġdida imma iktar minn hekk speċifikajna affarijiet li suppost diġa’ qegħdin isiru,” qal il-Prim Ministru li tenna li r-responsabbilta trid tkun qed tintrefa veru.
“Issa hemm affarijiet x’ nistgħu nikkoreġu, nirranġaw? Urejna din il-ġimgħa stess li aħna miftuħin,” qal il-Prim Ministru li rrefera għall-irwol tas-site technical officer u kif dan kien il-punt li qajjem il-kontroversja.
Il-Prim Ministru qal li dan m’għandux ikun fuq is-sit il-ħin kollu iżda x’ħin jittieħdu deċiżjonijiet, jew isiru affarijiet, kruċjali.
Hawn innota kif fil-bidu l-gvern kien qed jgħid li dan kellu jkun perit, issa l-gvern se jiftaħ iktar għall-professjonisti oħra li jħossu li huma lesti jidħlu għal din ir-responsabbilta fosthom l-inġiniera u studenti li qed jikkwalifikaw mill-MCAST f’korsijiet speċjalizzati marbuta mal-kostruzzjoni.
B’referenza għal kwistjonijiet ta’ spejjeż il-Prim Ministru sostna li ħafna mir-rapporti li qed issir referenza għalihom suppost diġa’ jsiru.
Spjega li issa jidher li tkompla x-xogħol fuq iktar minn 400 sit.
Fl-intervista l-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ir-reġistru tal-kumpaniji li issa se jibda jaħdem b’mod irriformat u minn binja ġdida fiż-Żejtun.
“F’Malta għandna kważi 92,000 kumpanija reġistrati, jekk inkunu b’dan ir-ritmu fi żmien sentejn ikollna mal-100,000 kumpanija,” qal il-Prim Ministru li bil-Malta Business Registry se jkun hemm sistemi iktar moderni u li jiffaċilitaw il-ħajja tal-klijenti.
“Is-south sal-lum il-ġurnata dejjem kien il-post fejn tgħamel affarijiet industrijali, forsi affarijiet li jħammġu, affarijiet turistiċi,” qal il-Prim Ministru li tenna li dan hu sinjal li s-south jista’ jkun ċentru tan-negozju wkoll. Fisser kif f’dan il-lok se jkun hemm entitajiet oħra wkoll.
B’referenza għar-riżultati ta’ din il-ġimgħa fis-settur tal-qgħad il-Prim Ministru qal li l-gvern se jibqa’ għaddej fuq dan kollu. “Inżilna għall-ewwel darba taħt l-1,700 jirreġistraw għax-xogħol. Qed inħassru l-qgħad mill-vokabolarju ta’ dan il-pajjiż,” tenna l-Prim Ministru li tkellem dwar il-kwalità tax-xogħol.
Hawn irrefera għal preżenza tiegħu f’Londra din il-ġimgħa fejn attenda konferenza dwar il-kannabis mediċinali. “Kellna interess enormi ta’ iktar investiment li ġej lejn pajjiżna. Sa issa f’dan il-qasam diġa’ ġibda investiment b’saħħtu fejn se nkunu noħolqu 700 xogħol ta’ kwalità b’pagi li huma ogħla min-normal,” qal il-Prim Ministru li spjega kif l-ewwel kumpaniji se jibdew jesportaw mill-pajjiż fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.
Fuq ONE Radio Joseph Muscat temm jgħid li l-aħħar jiem kienu jiem ta’ xogħol intensiv, l-istess se tkun il-ġimgħa d-dieħla. “Biex inkomplu b’din il-mixja b’saħħitha li Malta qabdet,” qal Joseph Muscat.