Fi tmiem ġimgħa importanti ħafna għal pajjiżna – li matulha sar summit dwar it-teknoloġija blockchain li laqqa’ taħt saqaf wieħed mal-4,000 persuna minn kull rokna tad-dinja, il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega kif dan il-Gvern qed ikun innovattiv u qed iħejji lil pajjiżna għall-futur.
Dr. Muscat qal li “Qed nagħmlu pjan għal dawk it-tfal li għada sejrin l-iskola, li għadhom qegħdin fis-sekondarja, li meta joħorġu biex jaħdmu ħames snin, għaxar snin oħra, ħa jkollhom quddiemhom għażla ġdida.”
Is-settur tal-blockchain huwa biss l-ewwel pass, hekk kif dan il-Gvern diġà qed iħares lejn setturi oħra – bħal dak tal-intelliġenza artifiċjali. Filfatt, il-Prim Ministru qal li Malta se tkun qed taħdem fuq regoli ġodda li se jpoġġu lil pajjiżna fuq quddiem f’dan is-settur ukoll.Spjega li “Il-futur għalina huma setturi li ħadd ma ħolom bihom. Setturi li ħadd ma jazzarda jaħseb f’Malta, u iktar ma niltaqa’ ma’ nies u investituri u innovaturi fl-ispazju internazzjonali mid-dinja kbira tal-investiment, iktar ninduna x’għandna x’noffru f’pajjiżna, iktar ninduna kemm għandna futur f’pajjiżna.”
Din il-ħidma twassal għall-għażla li se jkollu quddiemu l-poplu fl-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej.
Quddiem folla mdaqqsa li nġabret biex tisma’ l-messaġġ tiegħu – li mliet mhux biss iċ-Ċentru Laburista taż-Żejtun iżda anki l-pjazza li jinsab fiha, il-Prim Ministru qal li dak li jimlieh bil-fiduċja huwa li l-Partit Laburista għandu tim ta’ kandidati – kemm għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Kunsilli Lokali, magħmul minn persuni kompetenti li qed jitkellmu u jisimgħu lin-nies.
Il-Prim Ministru qal li “Dan ħa jkun mument ieħor ta’ għażla. Għażla bejn passat u futur u jien ninkuraġġikom biex naħdmu flimkien ħalli l-familji Maltin u Għawdxin jgħażlu b’mod ċar u jgħażlu lil Malta ta’ Għada.”