Wara t-titjib li sarlu, ir-Regolament il-ġdid tal-Unjoni Ewropea dwar ir-Roaming se jidħol fis-seħħ għada, l-1 ta’ Lulju 2022.
Dan ir-Regolament jestendi sal-2032 l-iskema msejħa “Roaming daqslikieku f’pajjiżek” li, bis-saħħa tagħha, il-vjaġġaturi fl-UE u fiż-Żona Ekonomika Ewropea jistgħu jċemplu, jibagħtu l-messaġġi, u jużaw l-internet barra minn pajjiżhom mingħajr tariffi żejda.
Ir-regoli l-ġodda se jġibu magħhom ukoll benefiċċji sinifikanti għan-negozji u għaċ-ċittadini Ewropej, li se jgawdu minn esperjenza tar-roaming aħjar, bl-istess kwalità ta’ servizz tal-mowbajl barra minn pajjiżhom bħal dik li għandhom f’pajjiżhom stess.
Ir-regoli l-ġodda jtejbu wkoll l-aċċess għall-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza madwar l-Unjoni Ewropea u jiggarantixxu informazzjoni ċara dwar is-servizzi li jistgħu jkunu soġġetti għal tariffi żejda.
Il-konsumaturi issa se jkollhom id-dritt għall-istess kwalità tal-internet fuq il-mowbajl barra minn pajjiżhom bħal dik li għandhom f’pajjiżhom.
L-operaturi li jipprovdu servizzi tal-mowbajl għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom aċċess għall-4G, jew għan-networks avvanzati aktar tal-5G, meta dawn ikunu disponibbli fil-post li jkun qed iżur il-konsumatur.
Fil-kuntratti tas-servizz tal-mowbajl tagħhom u fuq is-siti web tal-operaturi, il-konsumaturi għandhom jingħataw informazzjoni dwar id-disponibbiltà tan-netwerk.
Meta l-konsumaturi jivvjaġġaw bl-ajruplan jew bid-dgħajsa, il-mowbajls jistgħu jaqbdu awtomatikament man-network abbord ipprovdut mis-satelliti. L-użu ta’ servizzi tal-konnessjoni tal-mowbajl ipprovduti minn netwerks mhux terrestri jista’ jkun soġġett għal tariffi addizzjonali għaljin ħafna.
Ir-regoli l-ġodda dwar ir-roaming jobbligaw lill-operaturi jipproteġu lill-konsumaturi tagħhom u jinnotifikawhom meta l-mowbajls tagħhom jaqilbu għal networks mhux terrestri.
Barra minn hekk, l-operaturi għandhom awtomatikament jinterrompu s-servizzi tal-mowbajl jekk is-servizzi tal-mowbajl fin-networks mhux terrestri jtellgħu kont ta’ €50 jew jilħqu xi limitu ieħor definit minn qabel.
L-operaturi jistgħu joffru wkoll servizzi addizzjonali, bħall-possibbiltà li jagħżlu li ma jużawx ir-roaming fuq l-ajruplani u d-dgħajjes.