Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius ħabbru skema mnedija mill-Awtorità tal-Ippjanar, imsejħa solar farm policy, li hija inizjattiva oħra biex Malta tkompli miexja ’l quddiem fil-miri ambjentali tagħha dwar enerġija rinovabbli sas-sena 2020.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Joe Mizzi qal li matul dawn l-aħħar ħames snin, pajjiżna ra żieda sinifikanti fl-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli, b’mod partikolari f’sistemi fotovoltajiċi, fejn ibbenefikaw numru ta’ familji minn għotjiet ġenerużi u li kienu kkumplimentati minn sistema ta’ feed in tariffs, kemm għal sistemi residenzjali kif ukoll għal dawk kummerċjali.
Huwa qal li madankollu, għalkemm inkoraġġanti, is-sitwazzjoni ta’ sistemi ta’ pannelli folovoltajiċi fuq bjut fil-preżent xorta waħda mhijiex suffiċjenti sabiex Malta tilħaq il-miri tagħha dwar enerġija rinovabbli. Barra minn hekk, dawn is-sistemi qed iħallu wkoll impatt viżwali fuq l-ambjent mibni.
“Għaldaqstant kien proprju meħtieġ li jinstab bilanċ biex jiġu identifikati żoni addattati li jkunu kbar biżżejjed biex fihom isiru dawn l-irziezet u fl-istess waqt issir l-inqas ħsara possibbli lill-ambjent. Il-prinċipju jibqa’ wieħed, dak li niġġeneraw l-enerġija b’mod sostenibbli”, żied jgħid il-Ministru.
Huwa żied jgħid li dan l-eżerċizzju involva diversi stadji ta’ konsultazzjonijiet ma’ stake holders u mal-pubbliku b’mod ġenerali, kif ukoll koordinazzjoni sħiħa bejn il-ministeri responsabbli mill-enerġija, l-ippjanar u l-ambjent.
Qal ukoll li matul dawn l-aħħar xhur, l-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, fi ħdan il-Ministeru tal-Enerġija, kienet qed taħdem fuq pjan għaż-żmien li ġej biex tassigura li jkun l-aħjar skema quddiem il-Kummissjoni Ewropea li tkun kompatibbli mar-regolamenti għall-għajnuna mill-istat. Ħabbar li kmieni din is-sena, ġie ppubblikat qafas legali li jistabbilixxi r-regolamenti stipulati f’din l-iskema ġdida, u tressqu numru ta’ preżentazzjonijiet lil stake holders relevanti li jinkludu l-Malta Chamber of SMEs (GRTU), il-Malta Developers Association (MDA) u l-Kamra tal-Kummerċ.
Fl-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà, Chris Agius spjega kemm din il-policy l-ġdida se tkun qed tistabbilixxi qafas sabiex tiddetermina liema tip ta’ sistemi PV fuq skala kbira jkunu permessibbli. Huwa qal ukoll li għadd ta’ miżuri maħsuba biex jikkontribwixxu lejn il-kisba tal-mira ta’ 10% f’RES sal-2020, ġew implimentati jew qegħdin fil-proċess li jiġu implimentati. Dawn jinkludu l-iżvilupp ta’ wieħed jew aktar irziezet komunali li għandhom jipprovdu l-opportunità għad-djar biex jipparteċipaw fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija solari minn pannelli fotovoltajiċi, irrispettivament jekk ikollhomx aċċess għas-saqaf tagħhom jew le.
Chris Agius żied jgħid li aktar inċentivi u għotjiet, ser ikomplu jinkoraġġixxu l-investiment fl-installazzjoni ta’ solar farms fuq il-bjut fuq skala kbira, żoni industrijali jew siti oħra xierqa. Installazzjonijiet fuq skala żgħira fuq bini eżistenti u ġdid xorta se jkomplu jingħataw il-prijorità. Din il-policy tipprovdi definizzjoni ta’ razzett solari u tistabbilixxi wkoll il-kriterji fundamentali li l-Awtorità tal-Ippjanar tqis xierqa biex tiggwida l-ippjanar u d-disinn tal-iżvilupp tas-solar farms u l-evalwazzjoni xierqa tal-applikazzjonijiet għal dawn l-iskemi.
Temm id-diskors tiegħu billi qal li l-policy tipprovdi wkoll għall-iżvilupp tal-solar farms, bi prijorità mogħtija lil bjut fuq skala kbira, parkeġġi tal-karozzi, żoni industrijali u barrieri. Barra minn hekk, il-policy tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ solar farms li jikseb użu doppju jew multiplu tal-art, biex jassigura li ż-żoni urbani jiġu sfruttati b’mod aktar effiċjenti.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet ingħataw dettalji mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità dwar l-Ippjanar Johann Buttigieg kif ukoll mill-Perit Joseph Scalpello.