Il-Kap tad-Delgazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew qal li tibdil jew tisħiħ tar-regoli preżenti ta’ kif fondi politiċi jiffiltraw fis-sistemi nazzjonali tal-istati membri tal-UE għandhom jiġu deċiżi b’mod rigoruż, bi trasparenza u b’mod demokratiku. Element essenzjali huwa l-kampanji nazzjonali, permezz ta’ partiti u fondazzjonijiet nazzjonali, saħaq Dr Sant meta spjega l-vot tiegħu favur riżoluzzjoni dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi fil-Parlament Ewropew.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tgħarbel in-nuqqasijiet u tipproponi reviżjoni tar-regoli wara għadd ta’ skandli u suspetti dwar użu ħażin ta’ fondi fil-qafas tal-finanzjament tal-partiti.
“Il-vot tiegħi favur din ir-riżoluzzjoni huwa ispirat mit-twemmin li l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej permezz ta’ fondi ċentrali Ewropej jeħtieġu aktar diskussjoni u prominenza. Id-diskussjoni għandha tintrabat ma’ kunsiderazzjonijiet aktar wiesgħa ta’ forom oħra ta’ finanzjamenti mill-Unjoni Ewropea. Dan biex tinkiseb aktar trasparenza u kontabilita` mill-bidu sal-aħħar. Inkella, skandli u suspetti dwar użu ħażin ta’ fondi se jkomplu jipprevalu, kif ġara ftit ilu lil numru ta’ Ewroparlamentari u partiti politiċi nazzjonali f’diversi stati membri, inkluż lill-Partit Nazzjonalista f’Malta,” saħaq Dr Sant.
Rapport mill-ġurnalisti ta’ ‘Investigative Reporting Denmark’ żvela kif l-uffiċċji ta’ 249 Ewroparlamentari ma nstabux. Il-ġurnalisti jemmnu li wħud minn dawn il-flejjes mhux jintużaw tajjeb. Numru ta’ investigazzjonijiet li saru fit-28 stat membru juru kif fi 42 każ l-Ewroparlamentari qed iħallsu l-kera lil partiti politiċi tagħhom jew lil kontijiet personali tagħhom.
Mill-investigazzjoni nstab li f’249 każ, l-Ewroparlamentari ddikjaraw li ma kellhomx uffiċċju, irrifjutaw li jagħtu l-indirizz tal-uffiċċju, jew l-uffiċċju ma setax jinstab. Ir-rapport żvela kif fil-Ġermanja, Ewroparlamentari minn partiti politiċi differenti kienu s-sidien tal-bini li fihom kellhom l-uffiċċji nazzjonali tagħhom. Allegatament fosthom hemm Manfred Weber, iċ-ċermen tal-Grupp tal-EPP.