Il-Bord tal-Ippjanar approva permess temporanju ta’ sentejn għal sitt gaġeġ tat-tonn biex dawn jitneħħew min-Nofsinhar ta’ Kemmuna. Is-sit il-ġdid huwa madwar ħames kilometri lil hinn mix-xatt, ’il barra mis-Sikka l-Bajda.
Dan il-permess huwa soluzzjoni temporanja sakemm id-Dipartiment tas-Sajd jistabilixxi t-tieni żona akwakulturali fit-Tramuntana tal-pajjiż.
B’din iċ-ċaqliqa dan l-operatur tal-fish farms ikun konformi mal-ftehim milħuq mal-Awtorità tal-Ippjanar. Ftehim li jinkludi t-tneħħija tal-istrutturi u t-tagħmir kollu mis-sit ta’ Kemmuna.
Huwa kkalkulat li s-sit gaġeġ tat-tonn se jilħqu kwota ta’ elf u ħames mitt tunnellata ta’ ħut.
F’Settembru li għadda il-Bord tal-Ippjanar irrevoka għaxar permessi ta’ żvilupp ta’ fish farms, wara li nstab li kienu qed joperaw bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-ippjanar. B’riżultat ta’ dan il-ksur, żoni tal-għawm kienu impattati b’mod negattiv ferm.