It-Tlieta filgħodu tħabbru sett ta’ regolamenti li se jipprojbixxu ż-żamma u t-tnissil ta’ klieb tar-razza bully.
Dawn ir-regolamenti jikkonċernaw klieb li ma jkollhomx ċertifikat tal-pedigree minħabba li l-ansestrija tagħhom ma tistax tkun traċċata.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li r-razez li jaqgħu taħt il-bully, għandhom reputazzjoni ħażina, dan għaliex huma klieb muskolati u enerġetiċi. Dan għaliex fil-passat dawn kienu klieb tax-xogħol u li anki kienu jiġu mġellda bejniethom. Però intqal kif xorta jibqa’ l-fatt, li bħala razez huma dolċi ħafna iżda jeħtieġu l-eżerċizzju tagħhom.
Dawn ir-regolamenti qed jidħlu fis-seħħ wara numru ta’ inċidenti madwar il-pajjiż fejn klieb ta’ din ir-razza li jkunu ppastardjati ma’ razez oħra attakkaw persuni. Dan minħabba l-fatt li meta din ir-razza tiġi mħallta ma’ razez oħra jkun hemm tendenza li ż-żgħar ikunu aktar vjolenti. Dan l-aġir wassal biex f’pajjiżna dan it-tip ta’ klieb huma l-aktar li jiġu abbandunati f’santwarji, fost l-oħrajn.
Intqal ukoll kif qed isir komuni li n-nies jixtru dawn it-tip ta’ klieb meta jkunu ġriewi iżda meta jikbru ma jlaħħqux mal-ħtiġijiet tal-klieb.
Għaldaqstant filwaqt li ġie ċċarat kif tali regolamenti mhux qed isiru kontra xi razza jew oħra, ir-reklamar, il-bejgħ, it-tnissil u ż-żamma qegħdin ikunu projbiti u f’regolamenti li se jidħlu f’forma ta’ liġi sussidrjarja se jibdew japplikaw mill-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru li ġej.
Il-projbizzjoni se tikkonċernaw dawk il-klieb li jkunu twieldu wara li r-regolamentazzjoni tidħol fis-seħħ. Iżda dawk il-klieb li diġà jkunu twieldu qabel jistgħu jibqgħu jinżammu, però xorta waħda għandhom ikunu reġistrati permezz taċ-ċippa.
Barra minn hekk, il-Kennel Clubs f’pajjiżna jridu jkunu reġistrati fost l-oħrajn mal-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji filwaqt li għandhom japplikaw mad-Direttorat, li se jkollu d-dettalji kollha tal-kennel clubs fil-pajjiż.
Dawn ir-regolamenti se jagħtu s-setgħat lid-Direttorat biex jikkonfiska u jeżamina klieb biex jiġi aċċertat li qed jiġu mħarsa r-regolamenti fis-seħħ.
F’każ li r-regolamenti ma jiġux imħarsa hemm multi amminstrattivi li ma jaqbżux l-elf ewro u li jridu jitħallsu fi żmien tletin ġurnata. Jekk wieħed ifalli milli jammetti u jħallas il-multi, l-każ jipproċedi fil-Qorti fejn il-multi bejn elfejn u ħamsa u sittin elf ewro u/jew tlett snin priġunerija, f’każ li l-każ ikun l-ewwel wieħed. Jekk il-każ ma jkun l-ewwel wieħed il-multi jitilgħu għal bejn sitta u tmenin elf ewro b’termini ta’ priġunerija li wkoll jistgħu jiġu applikati fil-konfront ta’ sid il-kelb..