Regolamenti ġodda, li għadhom kemm tħabbru, se jkunu qed jiddefinixxu l-professjoni tal-bennej f’pajjiżna għall-ewwel darba, flimkien mar-responsabbiltajiet li din iġġorr magħha.
Waqt li twaqqaf Kumitat dwar il-Liċenzji tal-Bennejja fi ħdan l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, li se jibda joħroġ tali liċenzji, se jibdel il-mod kif kien iseħħ sal-lum, fejn il-liċenzja kienet tingħata mill-bord tal-bennejja taħt is-setgħa tad-Direttur tax-Xogħol.
Il-liċenzja l-ġdida se tkun valida għal sentejn, waqt li se timponi kundizzjonijiet, bħal tagħlim ulterjuri biex wieħed ikun jista’ jġeddidha.
Min-naħa l-oħra, il-liċenzji attwali maħruġin taħt dik li kienet il-liġi l-antika, se jibqgħu validi sal-aħħar ta’ din is-sena, fejn sadanittant il-bennejja diġà attivi għandhom japplikaw għal-liċenzja l-ġdida.
L-Awtorità se jkollha d-dritt li titlob lill-bennejja liċenzjati, li waslu biex iġeddu l-liċenzja, jattendu taħriġ dwar prattiċi ġoda ħalli b’hekk jibqgħu aġġornati.
Reati, bħal xogħol bla liċenzja valida jew ksur tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja, jistgħu jwasslu għal multi sa elfejn ewro, multi ta’ kuljum għal ksur kontinwu u sospensjoni jew saħansitra revoka tal-istess liċenzja f’każ ta’ ksur serju.
Permezz ta’ dawn ir-regolamenti, bennej liċenzjat mistenni jimxi mal-kundizzjonijiet tal-liċenzja, inkluż li jiżgura li kwalunkwe xogħlijiet ikunu konformi ma’ prattiċi tajbin, skont il-pjanti maħruġa mill-perit u li jkun preżenti fuq is-sit waqt li jkunu qed jaħdmu ħaddiema oħrajn.
Waqt li indirizza lill-midja dwar dan it-tibdil, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, spjega li l-qasam tal-bennejja ilu ma jara riforma sinifikanti għal aktar minn 100 sena.
“Wara diskussjonijiet ma’ varji stakeholders issa wasalna għall-pubblikazzjoni ta’ regolamenti ġodda, mhux biss biex nissodisfaw l-impenn tagħna fil-manifest elettorali, imma wkoll l-impenn tagħna li nħarsu lejn dawk li huma r-rakkomandazzjonijiet marbutin mal-inkjesta pubblika relatata mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia.”
Il-Ministru Jonathan Attard