Wara l-azzjonijiet li l-Gvern ħa fl-aħħar xhur fil-konfront tal-operaturi tal-fishfarms, fiż-żmien li ġej id-Dipartiment tas-Sajd mistenni joħroġ regolamenti ġodda għall-Akwakultura.
Dan sostnieh il-Ministru għall-Ambjent Jose’ Herrera waqt li kien qed jitkellem dwar l-importanza tal-protezzjoni tal-ambjent marittimu, f’laqgħa oħra mis-sensiela Gvern li Jisma’.
F’Sant’Iermu, il-Ministru Herrera qal li minn wara li ttieħdu azzjonijiet dwar l-islime li deher fl-ibħra ta’ madwar Malta, l-operaturi tal-fishfarms qed jikkoperaw bi sħiħ.
Il-Ministru Herrera qal li l-ewwel indikazzjonijiet dwar l-aħħar slime li deher dan l-aħħar juru li dan mhux bilfors ġej mill-fish farms iżda l-esperti ambjentali qed jagħmlu t-testijiet meħtieġa.
Sadanittant is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-ippjanar, Deborah Schembri qalet li f’dawn l-erba’ snin għall-ewwel darba ngħatat iżjed saħħa għall-ambjent.
Hija rreferiet għad-de-merger fi ħdan l-ambjent u b’hekk kellna l-firda tal-ambjent minn mal-ippjanar.
Schembri tkellmet ukoll dwar l-iskema ta’ regolarizazzjoni.
Saħqet li dawk li għandhom xi llegalitajiet fil-proprjetajiet tagħhom anki jekk jaraw il-ħlas tar-regolarizazzjoni bħala wieħed għali, l-fatt li jirregolaw ruħhom ikunu qed jieħdu valur sħiħ tal-proprjetà f’idejhom.