Fit-28 ta’ Marzu, nhar Ħamis ix-Xirka, ir-Reġjun tat-Tramuntana se jorganizza għall-ewwel darba rappreżentazzjoni ħajja fi Ġnien Millbrae Grove fil-Mosta, bl-isem ta’ “Baqgħu sakemm sallbuh”.
Din se tkun qed tittella’ erba’ darbiet fis-6:00, is-7:00, it-8:00 u d-9:00 ta’ filgħaxija.
Ir-rappreżentazzjonijiet se jkollhom narrazzjoni tal-attur bravu Mosti Joe Quattromani, li jieħu lill-udjenza lura fiż-żmien u jqabbel dak li ġara fil-Passjoni ta’ Kristu mal-ħajja tal-lum.
Atturi u persunaġġi taħt id-direzzjoni ta’ Tiziana Calleja, bl-għajnuna ta’ Marvic Camilleri, se jinterpretaw il-partijiet ta’ diversi persunaġġi Bibbliċi.
Il-President tar-Reġjun tat-Tramuntana, Clifford Galea, qal lil ONE News li “ħsibna li, darba f’sena, għandu jkollna avveniment annwali li jittella’ mir-Reġjun stess. Mhux bilfors relatat mal-Ġimgħa l-Kbira. Af eżempju s-sena d-dieħla jsir kunċert, pereżempju, jew attività differenti bi ħsieb totalment differenti; inklussiv u innovattiv. Din is-sena, bdejna mill-Mosta.”