Matul l-2015, il-kunsilli lokali kollha nefqu bejniethom aktar minn €1.6miljun għal servizzi professjonali.
Peress li n-natura ta’ ħafna minn dawn is-servizzi huma simili għal xulxin, dawn l-ispejjeż jistgħu jiġu iffranakati grazzi għal razzjonalizzazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż permezz tal-kumitati reġjonali.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo waqt il-laqgħa ġenerali annwali tar-Reġjun Nofsinhar ta’ Malta. Dr Buontempo qal li dan il-gvern qed jaħdem biex il-kumitati reġjonali ikunu l-ewwel punt ta’ referenza għall-kunsilli lokali u saħaq li permezz ta’ hekk, il-poplu Malti u Għawdxi jista’ jgawdi għax minbarra li titnaqqas il-burokrazija, ċertu spejjeż li huma komuni jistgħu ikunu ċentralizzati f’livell ta’ reġjun bil-għan li jittaffu l-ispejjeż mingħajr ma tonqos il-kwalità tas-servizz mogħti liċ-ċittadin.
Kważi nofs l-allokazzjoni annwali tal-finanzi li l-gvern ċentrali jgħaddi lill-kunsilli lokali imorru għal spejjeż ammministrattivi.
Is-Segretarju Parlamentari qal li r-reġjun għalaq is-sena 2015 f’ qagħda finanzjarja b’saħħitha ħafna, tant li rreġistra depożiti fil-bank li jlaħħqu d-€930,500. Filwaqt li rrimarka li d-dejn kien ta’ €291,470, is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li 82% minn dan id-dejn jikkonsistu fi flejjes li r-reġjun irid jgħaddi lill-kunsilli b’rabta ma’ proġetti li saru fil-lokalitajiet.
Dawn il-kunsilli bejniethom wettqu b’kemm jiswew €900,000 fi proġetti ffinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea li jvarjaw minn tisbiħ ta’ sqaqien u titjib fl-aċċess għall-bdiewa, arbli tad-dawl, bankijiet, uċuħ ġodda tal-asfalt, tisbiħ ta’ żoni, postijiet ta’ rikreazzjoni, out–door gym, family park, jogging track u picnic area, proġett ta’ tisbieħ.
L-istess kunsill investew €2.4miljun f’fondi tal-gvern ċentrali f’resurfacing ta’ toroq, refurbishment ta’ bandli, bankini, bereġ, toroq residenzjali, ġonna u toroq rurali.
Ir-Reġjun Nofsinhar huwa magħmul minn 14-il kunsill lokali li huma, Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, Birżebbuġa, Ħal Għaxaq, il-Gudja, il-Ħamrun, Ħal Kirkop, Ħal Luqa, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal Safi, Santa Luċija u ż-Żurrieq.