Minn Novembru li għadda iktar minn elf drone kien reġistrat mal-entità Transport Malta biex b’hekk is-sidien ikunu konformi mal-qafas regolatorju li tnieda ftit xhur ilu.
Dan qalitu l-uffiċjal fuq l-ispezzjonijiet fi ħdan l-istess entità, Analiza Abdilla, f’intervista ma’ ONE News fejn qalet ukoll li issa bil-mod il-mod qed tibda tissaħħaħ is-sigurtà f’industrija li ftit li xejn kienet regolata.
Hija spjegat: “Minn meta nedejna s-sistema li saret f’Novembru li għadda diġá rajna ‘fuq minn elf reġistrazzjoni u qed jiżdiedu kuljum.”
Dr Abdilla qaltilna li huwa stmat li fis-sitt snin li ġejjin din l-industrija tad-drones tikber tant li tiġi tiswa madwar seba’ biljun ewro.
Hi kompliet tispjega li bħalissa Malta qiegħda fi stadju avvanzat biex tattira kumpanija kbira internazzjonali li toffri servizzi ta’ taħriġ.
Dr Abdilla sostniet: “Il-ġimgħa l-oħra kellna klijent minn barra minn Malta li huwa interessat joffri servizzi ta’ training ta’ drones hawn Malta. Jekk kollox imur sew dan l-investiment ħa jitħabbar fil-ġimgħat li ġejjin u iktar ma jkun hawn dawn it-tip ta’ affarijiet, iktar nies iġibu liċenzji tad-drones, jitħarrġu fl-użu tad-drones u iktar finalment ikollna sigurtà fl-użu tal-operat tad-drones.”
Abdilla qaltilna li konsegwenza ta’ Brexit, l-operaturi għal numru ta’ ġimgħat ma setgħux jassiguraw lilhom infushom.
Hija kompliet tispjega: “Il-ġimgħa l-oħra din l-issue ssolviet, il-kumpanija li kienet qiegħda topera biss mill-Ingilterra u li minħbba Brexit ma setgħetx toffri iżjed insurances, fetħet head office fl-Olanda u għalhekk l-insurance issa sar available.”
Abdilla stqarret li Transport Malta stess toffri taħriġ u eżamijiet sabiex is-sidien tad-drones jiġu liċenzjati u konformi.
Hija saħqet: “Min-naħa tagħna qegħdin nippruvaw nolqtu kemm jista’ jkun nies u nagħmluhom aware tar-regola u x’tirrikjedi din ir-regola għax għad hemm nies li m’għamlux pereżempju reġistrazzjoni jew ma jagħmlux il-korsijiet mhux għax ma jridux imma għax mhumiex aware tar-regola u x’hemm bżonn.”
Hi temmet tgħidilna li persuna li topera mingħajr liċenzja tista’ taffaċċja multi jew saħansitra ħabs skont il-gravità tal-każ.