L-avveniment annwali b’risq id-Dar tal-Providenza – il-‘BOV Volleyball Marathon’ – se jirritorna għat-tlettax-il darba.
Mit-30 ta’ Ġunju sat-2 ta’ Lulju, diversi atleti se jikkompetu fl-isport tal-volleyball għal-53 siegħa bla waqfien fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza, fis-Siġġiewi.
L-attività se tinfetaħ uffiċjalment mid-deputat Prim Ministru, Chris Fearne, f’attività li fiha se tipparteċipa wkoll il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Dun Martin Micallef, u Charles Azzopardi, uffiċjal għoli tal-Bank of Valletta, nedew din il-maratona li l-għan tagħha hu li jinġabru fondi biex ikunu jistgħu jibqgħu jingħataw servizzi ta’ kwalità lill-persuni b’diżabilità li huma residenti f’din id-Dar.
Dun Martin Micallef, inkoraġġixxa lill-Maltin u l-Għawdxin biex jattendu għal din l-attività ta’ ġenerożità. Huwa ħa l-opportunità biex jirringrazzja lill-volontiera kollha, flimkien mal-Korp tal-Pulizija, li kienu ta’ għajnuna kbira fl-ippjanar.
“Permezz ta’ din il-maratona tara li tinkoraġġixxi wkoll l-isport, f’dan il-każ id-dixxiplina tal-Volleyball. Imma nixtiequ wkoll inwasslu l-messaġġ li d-Dar dejjem tipprova twassal: biex is-soċjetà Maltija tkompli turi rispett u dinjità lejn persuni b’diżabbiltà, toffrilhom opportunitajiet indaqs biex igawdu l-ħajja bħalma għandhom id-dritt, bħal ħaddieħor.”
Dun Martin Micallef – Direttur tad-Dar tal-Providenza
Tnejn li se jieħdu sehem fil-maratona tal-volleyball qasmu magħna l-ħsibijiet tagħhom fuq il-festa ta’ ġenerożità u qalu għaliex iddeċidew li jniżżlu isimhom bħala parti mit-tim ta’ atleti.
“Hija għal-karità imma hija wkoll esperjenza vera sabiħa u ma jkollokx ħafna opportunitajiet li tilgħab lejl sħiħ volleyball.”
Gulia Micallef – Parteċipanta
“Bdejt għax kien hemm ħabibti ħajritni, u bdejtha purament biex inkun qed nagħmel xi ħaġa. Però, kif iltqajt mar-residenti u l-atmosfera tal-maratona, kull sena tagħtini l-enerġija biexierġa’ nagħmilha għax imbgħad tiġi vera close u l-meaning tal-maratona u tad-Dar tal-Providenza tfisser ħafna.””
Denise Hollier – Parteċipanta
Sat-2 ta’ Lulju, kull filgħaxija, l-ispettaklu mużikali se jixxandar fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televiżjoni. Flimkien mal-erbgħin atleta, se jkun hemm madwar mitejn voluntier, li se jkunu qegħdin jassistu f’din l-attività ta’ ġbir ta’ fondi.