Rapport dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (SILC) tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika wera li reġgħet naqset ir-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni.
Dan għal ħames sena konsekuttiva. Din ir-rata issa niżlet għal 19%, l-anqas rata minn mindu beda jsir dan l-istħarriġ fl-2005.
L-istħarrig fost 9,800 persuna fi 3,820 familja u kien jikkonċentra dwar l-impjieg u d-dħul tagħhom. L-istħarriġ daħal fit-dettall ukoll dwar kemm kienu jifilħu jakkwistaw u jħallsu għal diversi ħwejjeġ meqjusa bażiċi għall-ħajja matul is-sena 2017.
Imqabbel mas-sena l-oħra l-għadd ta’ dawk f’riskju ta’ faqar jew eskulużjoni soċjali niżel b’ 0.3 fil-mija. Tnaqqis li hu kostanti u li ladarba sar għal ħames sena konsekuttiva l-effett tiegħu huwa ikbar milli jidher.
Fil-fatt, imqabbla mar-rata tal-2013, ir-rata ta’ 19% kienet kważi kwart anqas mir-rata rregistrata għal dik is-sena.
Fil-ħames snin qabel l-2013 in-numru ta’ dawk f’qagħda vulnerabbli kien tela’ b’21,000 persuna. B’kuntrast, fil-ħames snin wara l-2013 l-għadd ta’ dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqas bi 13,000 persuna.