Fl-2019 ir-rata ta’ kriminalità rrapportata f’pajjiżna naqset bi 2.1%.
Dan meta kien hemm 15,589 rapport ta’ reati kriminali lill-pulizija ta’ Malta.
Dan jirriżulta minn rapport tal-Professur Saviour Formosa, li kien ippreżentat f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri emfasizza dwar il-ħtieġa li l-pajjiż ikompli jaħdem fuq strateġiji ta’ prevenzjoni.
Il-Ministru Camilleri, spjega wkoll li din kienet it-tielet sena konsekuttiva fejn kien irreġistrat tnaqqis fir-rata ta’ kriminalità. Biex kien hemm tnaqqis ta’ 10% fuq 3 snin.
Dr Camilleri spjega: “Dan hu riżultat ta’ prevenzjoni, adozzjoni ta’ strateġija ta’ prevenzjoni tal-kriminalita. U fuq din l-istrateġija se nkunu qed inkomplu naħdmu bħal community policing.”
Is-serq, il-ħsarat, il-vjolenza domestika, il-ġrieħi fuq persuni u l-frodi jagħmlu bejniethom serbgħa u tmenin punt ħamsa fil-mija tar-reati rrapportati kollha s-sena li għaddiet.
Fil-preżenza tal-Aġent Kummissarju Carmelo Magri, kien spjegat kif fost l-iktar sinifinakti kien hemm it-tnaqqis fir-reat tal-pickopcketing, għalkemm żdied is-serq mill-karozzi u mir-residenzi.
Kien hemm tnaqqis ta’ 1% fir-rapporti dwar vjolenza domestika, u naqsu wkoll b’mod sinjifikanti r-rapporti ta’ frodi.
Kien hemm fatturi interessanti oħra minn dan ir-rapport.
Il-Ministru Camilleri sostna: “Il-kriminalità ġewwa San Ġiljan. Irreġistrat l-inqas kriminalità fi ħmistax -il sena. Hija konsiderevoli għax kulħadd jaf f’San Ġiljan x’hemm. Paceville. Post jospita diversi tipi ta’ negozjoni… Nilqa’ b’sodisfazzon li naqqas il-crime rate li huwa l-inqas fi 15-il sena.”
Kien hemm ukoll 17% tnaqqis f’reati marbuta mal-użu tal-kompjuter u 54 inqas rapporti dwar każi ta’ droga.
Riflessjoni wkoll tat-tnaqqis tad-droga fil-ħabs.
Naqsu wkoll ir-reati ta’ theddid u vjolenza pubblika bi 8%, Iżda, żdiedu r-reati ta’ offiżi sesswali b’wieħed u għoxrin fil-mija. Bi 15% naqsu l-każi ta’ vjolenza kontra uffiċjali pubbliċi.
Il-Professur Saviour Formosa fisser ir-riżultati ta’ din is-sena bħala riżultati. Huwa spjega: “Fl-analiżi tagħna ma narawx biss dak li ġie osservat, imma dak li kien mistenni u fir-realta s-sena l-oħra kellna 6,000 inqas reati minn dak mistenni. Però kull krimini huwa żejjed kull krimini għandu vittma.”
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija, Angelo Gafà, li emfasizza il-ħidma tal-korp tal-pulizija u l-ħtieġa li l-pubbliku jikkopera u jaħdem id f’id mal-pulizija.