Il-klabb tal-qdif ta’ Siġġiewi se jerġa’ jkun preżenti fir-Regatta tal-Vitorja ta’ din is-sena. Huma se jkunu qed jieħdu sehem f’żewġ tiġrijiet ta’ Kategorija A, pass li kien skond il-klabb kien wieħed sfurzat fuqhom hekk kif huma xtaqu jipparteċipaw f’Kategorija B.
Fil-fatt fi stqarrija li ħareġ il-president tal-klabb ta’ Siġġiewi din il-ġimgħa, ilmenta mill-fatt li filwaqt li xtaqu li jikkompetu f’Kategorija B huma ġew notifikati li dan ma setax iseħħ minħabba li ma hemmx spazju fil-port għad-dgħajjes kollha. Il-klabb ta’ Siġġiewi ilmenta minn dan u sejjaħ din id-deċiżjoni bħala waħda diskriminatorja. (L-istqarrija kollha tal-president tal-klabb ta’ Siġġiewi Joseph Grima tidher aktar l-isfel).
Oriġinarjament Siġġiewi kienu se jieħdu sehem f’erba’ tiġrijiet ta’ Kategorija B iżda, minħabba d-deċiżjoni li ġiet sfurzata fuqhom sabiex jikkompetu f’Kategorija A, kellhom ibiddlu l-pjanijiet. Huma b’hekk se jieħdu sehem biss f’żewġ tiġrijiet ta’ Kategorija A: Ta’ bi Tnejn u Tal-Midalji.
Ta’ nota l-fatt li fit-team ta’ Siġġiewi hemm żewġt aħwa li se jaqdfu flimkien f’Tal-Midalji, Jimmy u Byron Falzon. F’Ta’ bi Tnejn hemm ukoll missier u iben li se jaqdfu flimkien, Sandro u Ryan Żammit.
Il-crew ta’ Siġġiewi f’Kategorija A huma:
Ta’ bi Tnejn: Sandro Żammit u Ryan Lee Żammit
Tal-Midalji: Christian Frendo, Leon Vella, Jimmy Falzon u Byron Falzon
Ir-Regatta tal-Vitorja se ssir nhar il-Ħadd 8 ta’ Settembru fil-Port il-Kbir. L-ewwel tiġrija tibda’ fin-12.30 ta’ wara nofs-in nhar.