Għar-Regatta tal-Vitorja, il-klabb ta’ Marsamxett jinsab armat fiż-żewġ kategoriji, b’taħlita ta’ qaddiefa konfermati u oħrajn ġodda. Il-mira prinċipali tal-klabb belti hi li jirbħu xi paljijiet hekk kif se jkunu qed jieħdu sehem fit-tiġrijiet kollha.
F’Kategorija A ingħaqdu ma’ Marsamxett il-qaddiefa Matthew Micallef, Dusty Cassar u Axel Degiorgio. Fl-istess kategorija hemm ukoll żewġ qaddiefa ġodda li ingħaqdu b’self. Dawn huma Yannick Pace u Deacon Abela Wilson.
Huma jingħaqdu mal-qaddiefa l-oħra li ġew konfermati: Juan Farrugia, Clifton Camilleri, Shylon Gauci u Laurence Ciantar.
Il-qaddiefa ta’ Marsamxett fit-tiġrijiet ta’ Kategorija A huma dawn:
Tal-Midalji: Axel Degiorgio, Laurence Ciantar, Shylon Gauci, Yannick Pace.
Frejgatini: Dusty Cassar & Deacon Abela Wilson.
Ta’ bi Tnejn: Juan Farrugia & Matthew Micallef.
Kajjiki: Axel Degiorgio & Shylon Gauci.
Ta’ b’Erbgħa: Clifton Camilleri, Juan Farrugia, Matthew Micallef & Yannick Pace.
Marsamxett se jkunu preżenti wkoll fit-tiġrijiet kolha ta’ Kategorija B.
Mal-qaddiefa li ġew konfermati mir-Regatta ta’ Marzu ingħaqdu wkoll Peter Cremona, Kyle Spagnol, Jacob Dalli, Nathan Bonello u Gilbert Grech.
Jingħaqdu wkoll fil-crew belti ta’ Kategorija B, din id-darba b’self, il-qaddiefa Jimmy Falzon, Lino Fabri u Kevin Attard.
Il-klabb belti se jieħu sehem ukoll fit-tiġrija tan-Nisa permezz tal-qaddiefa Irene Busuttil u Britney Camilleri.
F’dawn l-aħħar snin il-klabb ta’ Marsamxett reġa’ ra qawmien u interess kbir u fost proġetti li qed jaħdem fuqhom hemm dak ta’ Kajjik ġdid li mistenni jkun lest għar-Regatta tal-Ħelsien 2024.
Ir-Regatta tal-Vitorja se ssir nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Settembru fil-Port il-Kbir. L-ewwel tiġrija tibda fin-12:30.