Ir-Regatta tal-Vitorja ta’ din is-sena se tkun waħda storika għax ħa tara l-parteċipazzjoni tal-klabb ta’ Siġġiewi. Il-klabb li twaqqaf sitt snin ilu se jkun qed jieħu sehem fit-tiġrijiet kollha ta’ Kategorija B u żewġ tiġrijiet ta’ kategorija A. Dan wara li f’Settembru li għadda iddebutta fil-Fun Races organizzati minn SportMalta filwaqt li f’Marzu li għadda ħa sehem f’xi tiġrijiet fir-Regatta tal-Ħelsien. Ftit tax-xhur ilu dan il-klabb sar membru sħiħ fl-Għaqda Regatta Nazzjonali hekk kif il-membri l-oħra kollha laqgħu b’mod unanimu t-talba sabiex Siġġiewi jiġi elevat minn membru osservatur għal membru sħiħ. B’hekk issa dan il-klabb igawdi mid-drittijiet kollha fi ħdan l-Għaqda Regatta Nazzjonali.
Is-Siġġiewi Rowing Club huwa t-tieni klabb barra l-port, flimkien ma’ dak ta’ Birżebbuġa. Minkejja l-isfidi li dan iġib miegħu, il-kumitat ma’ qatax qalbu u għal din l-edizzjoni tar-Regatta tal-Vitorja irnexxielu jħejji team ta’ qaddiefa li se jisfida f’seba’ tiġrijiet.
Il-qaddiefa ta’ Kategorija B huma:
Ta’ bi Tnejn: Joseph Grima & Mark Schembri.
Kajjikki: Gabriel Mallia & Philippe Bonello.
Tal-Midalji: Noah Sammut, Gabriel Mallia, Philippe Bonello & Nathan Borġ.
Frejgatina: Noah Sammut & Kyle Spagnol.
Ta’ b’Erbgħa: Ivan Cassar, Joseph Grima, Mark Schembri & Jimmy Falzon.
F’Kategorija A, il-klabb ta’ Siġġiewi se jipprova jieħu sehem f’żewġ tiġrijiet. Żewġ crews li ġew magħquda f’dawn l-aħħar ġimgħat u li jista’ jkun li jkun hemm xi tibdil fl-aħħar ħinijiet.
Il-qaddiefa ta’ kategorija A huma:
Ta’ bi Tnejn: Joseph Grima & Kevin Attard.
Ta’ b’Erbgħa: Noah Sammut, Gabriel Mallia, Philippe Bonello & Nathan Borġ.
Il-klabb ta’ Siġġiewi jiffoka wkoll fuq l-Indoor Rowing u anke jagħti opportunita’ lill-qaddiefa tiegħu sabiex jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet barra minn xtutna. Ftit tal-ġimgħat ilu ipparteċipaw f’avveniment fixed-seat f’Lago Maggiore l-Italja. Dan kien fl-okkażjoni tad-49 edizzjoni tal-Palio Remiero u l-ewwel edizzjoni tal-Palio Internazionale. It-team ta’ Siġġiewi spiċċa fit-tielet post.
Ir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja se ssir nhar il-Ħamis 8 ta’ Settembru fil-Port il-Kbir. L-ewwel tiġrija mistennija tibda fis-13.00.