Ikompli t-tiġdied u t-tisħieħ fil-klabb tar-Regatta tal-Birgu hekk kif komplew isaħħu t-team tagħhom ta’ qaddiefa għar-Regatta tal-Vitorja. Wara li f’dawn l-aħħar snin il-klabb ġirbi reġa’ ta spinta lir-Regatta, ir-riżultati bdew jidhru hekk kif fir-Regatta tal-Ħelsien f’Marzu li għadda temmew fit-tieni post fiż-żewġ kategoriji.
Filfatt f’Marzu li għadda l-klab tal-Birgu rebaħ għaxar paljijiet: il-palju tal-ewwel fit-tiġrija tan-Nisa, flimkien ma’ żewġ paljijiet tat-tieni post u tat-tielet post f’Kategorija A u żewġ paljijiet tat-tieni post u tlieta tat-tielet post f’Kategorija B.
Għar-Regatta tal-Vitorja jinsabu armati sew f’Kategorija A. Ġiet imsaħħa d-dġħajsa Tal-Midalji hekk kif se jaqdef Sven Refalo. Birgu akkwistaw ukoll lil Emerson Farrugia li ffirma mal-klabb. Fil-Frejgatina se jaqdfu żewġ qaddiefa żgħażagħ li ġew imtella’ minn Kategorija B. F’din it-tiġrija se tkun qed tintuża frejgatina ġdida bl-isem ‘Katie’. Frejgatina li ġiet regalata mis-sur Dizma Attard u mibnija mill-imgħallem Berry Cassar.
F’Kategoija B, il-Birgu se jieħdu sehem fit-tiġrijiet kollha, bil-qaddiefa huma kollha żgħażagħ mill-Birgu, b’uħud telgħu mill-kategorija U18.
Dawn huma l-qadiefa kollha tal-klabb tal-Birgu:
Kategorija A
Tal-Midalji: Sven Refalo, Wayne Xuereb, Antoine Brignone u Owen Żammit.
Frejgatini: Neil Żerafa, Shardon Cassar u Carlee Cauchi (tmunier)
Ta’ bi Tnejn: Matthew Micallef & Clyde Cutajar
Kajjikki: Sven Refalo & Emerson Farrugia
Ta’ b’Erbgħa: Sven Refalo, Wayne Xuereb, Clyde Cutajar & Owen Żammit
Kategorija B
Tal-Midalji: Kurt Ellul, Loran Żarb, Owen Galea & Sergio Mifsud
Frejgatini: Neil Żerafa, Shardon Cassar u Carlee Cauchi (tmunier)
Ta’ bi Tnejn: Loran Żarb & Owen Galea
Kajjikki: Bjorn Caruana & Thomas Farrugia
Ta’ b’Erbgħa: Jonathan Falzon, Loran Żarb, Owen Galea u Larry Lagana’
Nisa
Glynnis Mizzi, Shazel Grima u Ishmael Frendo (tmunier)
Il-klabb tal-Birgu jinsab għaddej ukoll bil-bini tal-maħżen u club house ġodda. Filwaqt li tlesta s-sular ta’ isfel, se jinbeda x-xogħol fuq is-sular ta’ fuq. L-għan hu li l-bini kollu jitlesta sal-aħħar tas-sena filwaqt li għall-bidu tas-sena l-ġdida jibda jintrama minn ġewwa. Il-mira hi li l-proġett ikun lest għall-kollox sas-sajf li ġej.
Għar-Regatta tal-Vitorja, it-team ġirbi se jkun qed jopera minn taħt il-Forti Sant Anġlu u l-klabb qed iħeġġeġ lill-partitarji tiegħu sabiex isegwu r-Regatta minn hemm.
Ir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja se ssir nhar il-Ħamis 8 ta’ Settembru fil-Port il-Kbir. L-ewwel tiġrija mistennija tibda fis-13.00.