Il-klabb tal-qdif ta’ Siġġiewi se jerġa’ jieħu sehem fir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien b’għadd ta’ qaddiefa f’kategoriji differenti. Il-parteċipazzjoni fl-edizzjoni ta’ din is-sena se tarahom jieħdu bosta inizjattivi ġodda.
Żvilupp importanti se jkun il-fatt li, għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb ta’ Siġġiewi, se jieħdu sehem fit-tiġrija tan-nisa fir-Regatta Nazzjonali. L-ekwipaġġ femminili se jkun kompost mill-qaddiefa Brianna Farrugia u Chloe Rapinett flimkien ma’ Nina Joy Fava bħala tmuniera.
L-istess qaddiefa nisa se jkunu qed jaqdfu wkoll fit-tiġrija tal-Frejgatini ta’ Kategorija A.
Novita’ oħra se tkun fit-tiġrija tal-Frejgatini ta’ Kategoija B, fejn se jaqdfu fl-istess dgħajsa qaddief raġel u qaddiefa mara. Dawn huma l-koppja Lawrence Ciantar u Irene Busuttil.
Il-klabb ta’ Siġġiewi se jkompli wkoll bil-proġett tiegħu ta’ inklużjoni billi jinvolvi lil kull min hu nteressat fl-isport tal-qdif. Tant hu hekk li fl-opra Ta’ b’Erbgħa ta’ Kategorija A se jieħu sehem qaddief b’diżabilita’, Kurt Farrugia. Dan tal-aħħar diġa kkompeta fir-Regatta iżda se jiffaċja l-edizzjoni ta’ din is-sena b’aktar entużjażmu, specjalment fil-dawl tal-fatt li, dawn l-aħħar xhur, huwa kien rekoverat fit-tul wara zewg operazjonijiet.

Il-crews kollha ta’ Siġġiewi f’Kategorija B huma:
Ta’ bi Tnejn: Ryan Lee Zammit / Wayne Cassar
Frejgatini: Lawrence Ciantar / Irene Busuttil / Lee Zammit (tmunier)
Ta’ b’Erbgħa: Tiesto Caruana / Ryan Lee Zammit / Wayne Cassar / Leon Vella
Il-crews ta’ Kategorija A huma:
Frejgatini: Brianna Farrugia / Chloe Rapinett / Nina Joy Fava (tmunier)
Ta’ bi Tnejn: Jospeh Grima / Kevin Attard
Ta’ b’Erbgħa: Kurt Farrugia / Joseph Grima / Nathan Grech / Eduardo Saraiva de Oliveira
Minkejja li l-klabb tal-qdif ta’ Siġġiewi twaqqaf ftit tas-snin ilu, nieda bosta inizjattivi u proġetti relatati mal-isport tal-baħar. Apparti r-regatta tradizzjonali, jagħti spazju lil kull forma ta’ qdif ieħor, fosthom dak olimpiku u paralimpiku. L-għan jibqa’ dejjem li permezz ta’ dan l-isport jagħti ċans lill-membri tiegħu li jibqgħu attivi u jgawdu mill-benefiċċji li dan l-isport joffri għal saħħitna.
Apparti dan, il-klabb kien pijunier fl-inklużjoni hekk kif fetaħ il-bieb għal atleti b’diżabilita’.
Ir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien se ssir nhar it-Tnejn 31 ta’ Marzu fil-Port il-Kbir. L-ewwel tiġrija tibda fis-13:00.





