Bormla jerġgħu jibdew fost il-favoriti ewlenin għar-rebħ tax-shield tar-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien. Il-klabb bormliż, li f’Settembru li għadda qasam ix-shield tal-Vitorja flimkien mal-Birgu, ikkonferma kważi l-crew kollu ta’ Kategorija A bl-eċċezjoni ta’ tibdil żgħir.
Jispikka l-akkwist ta’ Christian Camilleri mingħand Birgu. Camilleri se jkun qed jieħu sehem fit-tiġrija tal-Frejgatini flimkien ma’ qaddief mill-Under 18 Mattia Calleja u fil-Kajjiki flimkien ma’ Romario Brignone. Fit-tliet tiġrijiet l-oħra kollox ġie konfermat.
Il-qaddiefa kollha f’Kategorija A huma:
Tal-Midalji: Maximillian Mamo, Clive Casha, Dennis Thornton u Romario Brignone.
Frejgatini: Mattia Calleja u Christian Camilleri.
Ta’ bi Tnejn: Dennis Thornton u Clive Casha.
Kajjikki: Romario Brignone u Christian Camilleri.
Ta’ b’Erbgħa: Maximillian Mamo, Clive Casha, Dennis Thornton u Jurgen Camilleri.
Bormla wettqu bosta bidliet f’Kategorija B hekk kif se jkunu qed jagħtu ċans lill-qaddiefa żagħżagħ, li se jingħaqdu ma’ oħrajn ta’ esperjenza.
Il-qaddiefa f’Kategorija B huma:
Tal-Midalji: Mattia Calleja, Nicholas Paris, Damien Attard u Denzil Thornton.
Frejgatini: Shaun Farrugia u Nicholas Paris.
Ta’ bi Tnejn: (crew ġdid) Kane Grima u Kaydon Aquilina.
Kajjikki: (crew ġdid) Damien Attard u Nicholas Paris.
Ta’ b’Erbgħa: Mattia Calleja, Damien Attard, Denzil Thornton u Kaden Aquilina.
Sfortunatament, fl-aħħar ġranet, il-klabb bormliż kellu jirtira mit-tiġrija tan-nisa peress li waħda mill-qaddiefa Rachelle Gialanze kellha inċident u mhux se tkun tista’ tikkompeti. Hija kienet se tkun qed tikkompeti flimkien ma’ Nadine Vella. Il-klabb ta’ Bormla ħass li kienet se tkun impossibli li fi ftit ġranet jarma’ crew ieħor kompetittiv.
Fil-klabb bormliż hemm entużjażmu kbir u lesti għall-isfida tal-klabbs l-oħra, b’mod speċjali tal-Birgu, fejn jidher li se jkun hemm ripteizzjoni tat-taqtiegħa li kien hemm f’Settembru li għadda.
Klabb ta’ Bormla li f’dawn l-aħħar xhur ma qata’ xejn fl-attivita’ tiegħu li juri kemm il-klabb huwa wieħed ħaj u attiv tul is-sena kollha.
Ir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien se ssir nhar is-sibt 23 ta’ Marzu u tibda fin-12.30pm.