Għal sena oħra l-klabb tal-Birgu se jibda bħala wieħed mill-favoriti għar-rebħ tax-shield fir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien. F’Settembru li għadda il-klabb ġirbi rebaħ ir-Regatta tal-Vitorja wara assenza twila ta’ 39 sena. Dak-in nhar qasam ix-shield ma’ Bormla u kollox jindika li dawn iż-żewġ klabbs se jerggħu ikunu fi sfida ħarxa bejnithom għal min se jirbaħ ix-shield tal-Ħelsien.
F’Kategorija A, Birgu żammew l-istess crew li kellhom f’Settembru li għadda, bl-eċċezjoni ta’ xi bidliet żgħar.
Fil-Kajjik, Kieran Żammit jingħaqad ma’ Nigel Sant biex b’hekk se jkun qed jieħu post Christian Camilleri li issa sieħeb lil Bormla. Bidla oħra se tkun f’Ta’ b’Erbgħa fejn Antoine Brignone se jkun qed jingħaqad ma’ Sven Refalo, Clayton Darmanin u Clyde Cutajar.
Il-bqija kollox se jibqa’ l-istess bħal ma kien f’Settembru.
Il-qaddiefa kollha f’Kategorija A huma:
Tal-Midalji: Owen Żammit, Antoine Brignone, Wayne Xuereb u Sven Refalo.
Frejgatini: Kieran Żammit u Antoine Brignone.
Ta’ bi Tnejn: Clayton Darmanin u Clyde Cutajar.
Kajjik: Nigel Sant u Kieran Żammit.
Ta’ b’Erbgħa: Sven Refalo, Clayton Darmanin, Clyde Cutajar u Antoine Brignone.
F’Kategorija B, Birgu se jagħti spazju u esperjenza lill-qaddiefa żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena.
Il-qaddiefa kollha ta’ Kategorija B huma:
Tal-Midalji: Lawson Cassar, Adonai Gatt, Yann Parascandolo u Dion Caruana.
Frejgatini: Edilson Aquilina u Neil Zerafa.
Ta’ bi Tnejn: Luke Ciantar u Lorenz Mizzi.
Kajjiki: Jayden Fisher u Nayden Casha.
Ta b’Erbgħa: Loran Zarb, Shardon Cassar, Kurt Ellul u Dylan Portelli.
Stennija wkoll għat-tiġrija tal-qaddiefa nisa hekk kif Birgu ikkonfermaw lill-koppja Shazel Grima u Glynis Mizzi. Dawn iż-żewġ qaddiefa issa ilhom bosta snin jirbħu din il-kategorija.
Intant fil-klabb ta’ Birgu hemm attivita’ sħiħa li tkompli turi l-mument pożittiv li għaddejjin miknnhu bħalissa. Apparti attivitajiet u inizjattivi li qed ikomplu jattiraw membri ġodda lejn il-klabb, wasal fl-aħħar fażi tiegħu il-proġett tal-klabb u l-maħżen. Proġett li jinsab fl-aħħar parti u hemm il-ħsieb li dan jiġi inawgurat lejn tmiem is-sajf.
Apparti dan, dak-in nhar tar-Regatta, Birgu se jkunu qed iżanżnu bandiera ġdida bl-arma tal-klabb u li se titwaħħal mas-swar tal-Forti Sant Anġlu. Din qed tiġi meqjusa bħala l-akbar bandiera li qatt intużat għal waqt ir-Regatta.
Inizjattiva oħra tirrigwardja l-Forti Sant Anġlu li se jkun miftuħ għall-pubbliku tul in-nofs ta’ nhar kollu tat-23 ta’ Marzu bi prezz ridott ta’ 3 Euros. Biss il-klabb tar-Regatta qed joffri numru limitat ta’ biljetti b’xejn għall-membri tiegħu.
Ir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien se ssir nhar is-sibt 23 ta’ Marzu u tibda fin-12.30pm.
Qaddiefa u partitarji ta’ Birgu jiċċelebraw ir-rebħ tax-shield tal-Vitorja 2023
Ronald Attard jaħdem fuq il-bandiera ġdida u kbira tal-klabb tal-Birgu