Bormla jerġgħu jibdew bħala l-favoriti għar-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien ta’ din is-sena. Is-sena li għaddiet huma rebħu ż-żewġ kategoriji fir-Regatta tal-31 ta’ Marzu u din is-sena jinsabu ippreparati sew sabiex jiddefendu dawn iż-żewġ unuri.
Il-bormliżi jinsabu mħejjija bl-aħjar mod, b’bosta konfermi fil-crew. F’Kategorija A fit-tiġrija tal-Midalji se jieħdu sehem il-qaddiefa Maximilian Mamo, Romario Brignone, Charvon Gatt u Cleavin Falzon. Gatt u Falzon telgħin minn Kategorija B.
Fil-Frejgatina se jaqdfu George Frendo u Kieran Zammit.
F’Ta’ bi Tnejn ikkonfermati l-veterani Dennis Thornton u Clive Casha.
Fil-Kajjik insibu lil Romario Brignone u Maximillian Mamo.
Fl-aħħar tiġrija, dik Ta’ b’Erbgħa insibu lil Dennis Thornton, Clive Casha, Jurgen Camilleri u Maximilian Mamo.
Crew b’saħħtu wkoll f’Kategorija B b’għadd ta’ qaddiefa żagħżagħ prodott tal-klabb bormliż flimkien ma’ oħrajn ta’ esperjenza. Hemm ukoll xi akkwisti minn klabbs oħra.
Fost il-qaddiefa żagħżagħ jispikkaw dawk tal-Kajjik Denzel Thornton u Nick Paris u tal-Frejgatina għal darb’oħra b’Nick Paris li jingħaqad ma’ Mattia Calleja.
Il-kumplament tal-crew bormliż għall-Kategorija B jara l-konferma ta’ Elton Azzopardi, Yannick Pace u Charvon Gatt. Magħhom jingħaqdu Clyde Debattista mill-Marsa, Larkin Massa mill-Kalkara u Deomar Abela mill-Isla.
Bormla se jikkompetu wkoll fit-tiġrija tan-Nisa permezz tal-qaddiefa nadine Vella u Rachel Gialanze.
Ir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien se ssir il-Ġimgħa 31 ta’ Marzu fil-Port il-Kbir. L-ewwel tiġrija tibda fin-12:30.