Birżebbuġa kellhom bosta tibdil fil-crew tagħhom hekk kif għaddejjin bl-aħħar tħejjijiet għar-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien ta’ din is-sena. Huma se jkunu qed jitfgħu l-attenzjoni fuq Kategorija B.
Il-klabb ta’ Birżebbuġa kellhom l-akkwisti ta’ Spiridione D’Amato u Brolin Genovese mill-Isla filwaqt li ħadu lil Kenseley Ciantar b’self għal sena.
Irritornaw ma’ Birżebbuġa, wara perijodu qasir inattivi, Manuel Magro u Eman Joe Borġ. Flimkien magħhom hemm Damien Attard u Mel Magro li se jiffurmaw it-team ta’ Kategorija B.
F’Kategorija A jidher li se jikkompetu bl-opri ż-żgħar: Frejgatina u Kajjik.
Apparti t-tħejjijiet għar-Regatta, il-klabb għaddej ukoll b’ħidma u proġetti oħra. Wara r-Regatta ta’ Settembru li għadda, kompla jkun attrezzat il-maħżen u f’April se jibda x-xogħol fuq Board Room ġdida u kamra għall-Amministrazzjoni fl-istess sular.
Wasal fl-aħħar ix-xogħol fuq id-dgħajsa Tal-Pass li għandha tkun lesta għar-Regatta tal-Vitorja u se jinbeda x-xogħol fuq il-Kajjik.
Intant il-kumitat ta’ Birżebbuġa jħeġġeġ lill-partitarji u lil dawk li għandhom għal qalbhom ir-raħal biex jagħtu l-appoġġ lil dan it-team ta’ qaddiefa li huwa wieħed ġdid iżda kompetittiv. Kienu ħafna li staqsew għaliex il-klabb ta’ Birżebbuġa silef l-aqwa qaddiefa li kellu. Ir-raġunijiet kienu li fl-opinjoni tal-kumitat kienu l-aħjar għażliet sabiex il-klabb jibqa’ kompetittiv fit-tiġrijiet kif ukoll sabiex jibqa’ finanzjarjament stabbli.
Ir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien se ssir il-Ġimgħa 31 ta’ Marzu fil-Port il-Kbir. L-ewwel tiġrija tibda fin-12:30.