Birgu komplew bil-ħidma sabiex isaħħu t-team tagħhom tant li għar-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien ta’ din is-sena huma fost l-isfidanti ewlenin. Il-ġirbin saħħew sew it-team ta’ qaddiefa tant li jinsabu kompetittivi ferm, bil-mira tkun li jirbħu x-shield.
F’Kategorija A kellhom tliet akkwisti kbar. Dawn huma Clayton Darmanin li ħadu mingħand Bormla, flimkien mal-koppja Nigel Sant u Christian Camilleri mingħand l-Isla. Huma jingħaqdu mal-qaddiefa l-oħra ta’ Birgu biex b’hekk se jiffurmaw team b’saħħtu.
It-team kollu ta’ qaddiefa f’kull tiġrija ta’ Kategorija A se jkun kif ġej:
Tal-Midalji: Owen Żammit, Antoine Brignone, Wayne Xuereb u Sven Refalo
Frejgatini: Christian Camilleri u Owen Żammit
Ta’ bi Tnejn: Clayton Darmanin u Clyde Cutajar
Kajjik: Nigel Sant u Christian Camilleri. Ta’ nota li Sant u Camilleri rebħu l-palju tal-ewwel flimkien mal-Isla fir-Regatta tal-Vitorja ta’ Settembru li għadda.
Ta’ b’Erbgħa: Sven Refalo, Clayton Darmanin, Clyde Cutajar u Owen Żammit
Birgu se jieħdu sehem ukoll b’team tajjeb f’Kategorija B. Ta’ nota l-fatt li f’din il-Kategorija 90% tal-aqddiefa huma kollha mill-Birgu. Ta’ nota wkoll f’Kategoirja B ir-ritorn ta’ żewġ qaddiefa ġirbin, l-aħwa Myles u Dylan Portelli.
Ma tonqosx it-tiġrija tan-Nisa. Tiġrija li s-sena li għaddiet rat is-suċċess ta’ dan il-klabb kemm fir-Regatta tal-Ħelsien u anke f’dik tal-Vitorja. Għal darb’oħra il-qaddiefa se jkunu Shazel Grima u Glyniss Mizzi.
Il-qawmien tal-klabb tal-Birgu f’dawn l-aħħar snin ġej mill-fatt li nħatar kumitat ġdid u kellu bosta inizjattivi sabiex jiġbed membri ġodda. Kumitat li telaq għal-proġetti kbar, bl-aktar li jispikka huwa dak tal-maħżen u l-uffiċji tal-klabb. Proġett li miexi sew tant li issa se tibda l-aħħar fażi tiegħu. Proġett li mistenni jkun lest sa tmiem din is-sena.
Ir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien se ssir il-Ġimgħa 31 ta’ Marzu fil-Port il-Kbir. L-ewwel tiġrija tibda fin-12:30.