Jekk hemm klabb li f’dawn l-aħħar sentejn għadda minn tibdil u tiġdid kbir bla dubju kien dak tal-Birgu. Bidla radikali, bl-għan prinċipali huwa dak li jitrasforma lill-klabb tal-Birgu f’wieħed mill-protagonisti ewlenin tar-Regatta.
Kollox beda bl-approvazzjoni ta’ statut ġdid li fetaħ il-bibien għall-elezzjoni ta’ kumitat b’viżjoni kontemporanja. Tmexxija li tamalgama it-tradizzjoni tar-Regatta, l-esperjenza ta’ individwi fl-isport tal-qdif kif ukoll ta’ nies ġejjin mill-qasam amministrattiv jew maniġerjali. Hawnhekk il-klabb beda proċess qawwi ta’ akkwisti ta’ qaddiefa ġodda.
Il-waqfa ta’ aktar minn sena fl-organiżazzjoni tar-regatti kompetittivi ma tagħatx ċans lill-klabb tal-Birgu biex jara x’sarraf dan it-tibdil. Iżda issa li se tirritorna l-kompetizzjoni, l-Birgu qed iħarsu b’ottimiżmu lejn ir-Regatta tal-Ħelsien sabiex jaqtgħu il-frott tal-ħidma li saret f’dawn l-aħħar sentejn.
Għar-Regatta tal-31 ta’ Marzu Birgu se jkunu armati fiż-żewġ kategoriji, b’mod speċjali f’kategorija A. Minkejja li jafu li l-isfida mill-klabbs l-oħra se tkun waħda kbira, il-ġirbin se jkunu qed jimmiraw għar-rebħ tal-paljijiet. Biex jagħmlu dan għandhom team ta’ qaddiefa li jinvolvi bosta akkwisti li saru minn klabbs oħra.
Il-qaddiefa tal-Birgu f’Kategorija A se jkunu: Charlie Gauci, Wayne Xuereb, Antoine Brignone, Owen Żammit, Emerson Farrugia, Sven Refalo, Clyde Cutajar u Matthew Micallef.
F’kategorija B il-Birgu se jikkompetu b’għadd ta’ qaddiefa żagħżagħ li disgħin fil-mija minnhom huma tfal mill-Birgu u li ilhom jitħarrġu għal bosta xhur. Dan ukoll juri l-interess li reġa’ hemm miż-żagħzagħ tal-Birgu fil-klabb tar-Regatta.
Il-qaddiefa f’kategorija B huma: Jonathan Falzon, Owen Galea, Loran Zarb, Sergio Mifsud, Shardon Cassar, Neil Zerafa, Josef Dalli, Luke Ciantar u Larry Lagana.
Birgu se jieħdu sehem ukoll fit-tiġrija ghall-qaddiefa nisa permezz ta’ Glynnis Mizzi u Shazel Grima.
Apparti l-ħidma mil-lat kompetittiv, il-kumitat kien u jinsab għaddej b’għadd ta’ proġetti. Ewlieni huwa dak tal-maħżen u club house ġodda. Wara stennija ta’ ħafna snin, il-proġett beda u l-mira hi li dan ikun lest sa tmiem din is-sena. Sakemm jitlesta l-proġett il-qaddiefa u membri tal-klabb qed jaġdmu minn maħżen temporanju li għandhom taħt il-forti Sant Anġlu.
Ħidma oħra li saret kienet fid-dgħajjes hekk kif ġew irranġati kollha filwaqt li ingħataw libsa ġdida. Ta’ nota zewġ dgħajjes ġodda li saru s-sena l-oħra, waħda tal-Pass u l-oħra frejgatina. Dik tal-Pass ingħatat l-isem ta’ Ġorg l-Għannej tal-Mulej filwaqt li l-frejgatina ingħatat l-isem ta’ Gertrude.
Għaddej ukoll xogħol fuq zewġ dgħajjes ġodda.
Ir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien se ssir nhar il-Ħamis 31 ta’ Marzu fil-Port il-Kbir. L-ewwel tiġrija tibda għal ħabta tan-12.30.