Il-klabb ta’ Marsamxett jinsab għaddej minn proċess ta’ qawmien, grazzi wkoll għall-ħatra ta’ kumitat ġdid li diġa beda jagħmel id-differenza. Filfatt ftit qabel il-pandemija kienet saret sejħa sabiex il-beltin jersqu lejn il-klabb bil-għan li jerġgħu jqajjmu l-entużjażmu u l-attivita’. Sejħa li ntlaqgħet tajjeb.
Il-klabb mhux biss laqa’ fi ħdanu membri ġodda iżda ħatar wkoll persuna, Adolf Vella, li jieħu ħsieb il-promozzjoni tal-attivitajiet tal-istess klabb u li għen sabiex jattira sponsors ġodda. Sfortunatament il-pandemija fixklet xi ftit il-pjanijiet ta’ tiġdid tal-klabb iżda issa li erġajna qed nersqu lejn in-normalita’, issoktat il-ħidma bil-għan li l-futur għall-klabb ta’ Marsamxett ikun wieħed sabiħ.
Għar-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien ta’ din is-sena Marsamxett se jkunu qed jagħmlu l-ewwel passi tagħhom wara t-tibdil fil-kumitat. Qed ikunu realistiċi u għalissa qed jimmiraw li jirbħu paljijiet f’xi tiġrijiet. Filfatt il-klabb belti jinsab armat tajjeb f’erba’ tiġrijiet, tnejn ta’ kategorija A u tnejn oħra ta’ kategorija B.
F’kategorija A se jkunu qed jagħtu sfida f’Ta’ bi Tnejn u f’Ta’ b’Erbgħa. Fit-tiġrija Ta’ bi Tnejn il-qaddiefa se jkunu Juan Farrugia u Peter Cremona. F’Ta’ b’Erbgħa il-qaddiefa huma Nathan Bonello, Juan Farrugia, Peter Cremona u Shylon Gauci.
F’kategorija B Marsamxett se jkunu qed jisfidaw bil-kajjik u bil-frejgatina. Fil-kajjik se jkun hemm il-qaddiefa Shylon Gauci u Mel Magro. Fil-frejgatina se jieħdu sehem il-qaddiefa Mel Magro u Gino Viacava.
Apparti l-ħidma mil-lat kompetittiv il-klabb ta’ Marsamxett jinsab għaddej ukoll b’xogħlijiet kbar fil-maħzen. Bosta membri qed jagħtu daqqa t’id fil-manutenzjoni tad-dgħajjes filwaqt li riċentement saret dgħajsa ġdida tal-Pass magħmula mill-fiber. L-għan ta’ din id-dgħajsa hu li tintuża għat-taħrig tal-qaddiefa żagħżagħ.
Ir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien se ssir nhar il-Ħamis 31 ta’ Marzu fil-Port il-Kbir. L-ewwel tiġrija tibda għal ħabta tan-12.30.