Il-mira ewlenija għall-klabb tal-Kalkara għar-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien hija dik li jagħtu sfida denja fit-tiġrijiet li se jieħdu sehem fihom. Il-kalkariżi se jieħdu sehem fiż-żewg kategoriji bl-attenzjoni prinċipali se tkun fuq kategorija A.
F’dawn l-aħħar xhur saħħew il-crew tagħhom bil-qaddiefa ġodda Clyde Mizzi, Ian Attard, Kurt Vassallo u Noel Vella. Dawn jingħaqdu mal-qaddiefa ewlenin li diġa kien hemm qabel fil-klabb tal-Kalkara jiġifieri Davison Micallef, Dorian Cilia u Malcolm Vella.
Minkejja li jafu li l-isfida f’kategorija A se tkun waħda ħarxa, il-klabb kalkariż jinsab imħejji sew u se jagħti sfida għar-rebħ ta’ xi paljijiet.
F’kategorija B se jikkompetu b’bosta qaddiefa żagħżagħ, ħafna minnhom mislufa mill-klabb tal-Isla. B’hekk se jkunu qed jaghtu ċans lil dawn il-qaddiefa żagħżagħ sabiex jikkompetu, wara li għal sentejn sħaħ tilfu ċ-ċans li jaqdfu fir-Regatta U18, wara li ġiet posposta minħabba l-pandemija.
Il-qaddiefa f’Kategorija B huma Ainsley Bonello, Clayton Azzopardi, Coultan Buhagiar, Denilson Long, Ebrique Galea, Kieran Bonnici, Luke Farrugia, Lydon Lee, Wesley Ghiller, Gilmore Buttigieg u Godwin Buttigieg.
Tajjeb ukoll insemmu ż-żewġ tmuniera li wkoll jagħmlu parti importanti mit-team, Julia Vella f’kategorija A u Delian Long f’kategorija B.
Il-Kalkara se jikkompetu wkoll fit-tiġrija tal-Kategorija Nisa. Il-qaddiefa tagħhom se jkunu Narkeshia Mizzi u Kenzey Abela flimkien mat-tmunier Caydon Mifsud.
L-attivita’ fil-klabb tal-Kalkara bħalissa hija waħda kbira. Għadha kemm tlestiet l-islip way li se tgħin fil-varar tad-dgħajjes filwaqt li se jibda x-xogħol tat-tkabbir tal-gym. Proġett ieħor hu dak ta’ manutenzjoni fuq id-dgħajsa klassika ‘Marianna’. Dgħajsa li fil-passat ġabet ħafna unuri fil-klabb tal-Kalkara.