Il-klabb ta’ Birżebbuġa se jkun wieħed mill-isfidanti ewlenin fir-Regatta ta’ Jum il-Helsien ta’ din is-sena. Minkejja li jafu li l-favoriti huma Bormla filwaqt li klabbs oħra jinsabu wkoll armati tajjeb, il-klabb ta’ Birżebbuġa jinsab armat tajjeb f’kategorija A b’mod speċjali fl-opri l-kbar.
L-akbar sfida min-naħa tagħhom se tkun fit-tiġrija Tal-Midalji u Ta’ b’Erbgħa, fejn iż-żewġ dgħajjes se jkollhom l-istess crew. Il-qaddiefa se jkunu Dirk Attard, Redeemer Żammit, Adrian Schembri u Sean Schembri.
Birżebbuġa se jisfidaw ukoll fit-tlett tiġrijiet l-oħra ta’ kategorija A. F’Ta’ bi Tnejn se jkollhom lil Adrian Schembri u Redeemer Żammit. Fil-Kajjik se jkollhom żewġ qaddiefa mislufa mill-klabb tal-Isla Kensley Ciantar u Spiridione D’Amato. Fil-frejgatina il-qaddiefa huma l-aħwa Dirk u Damien Attard.
F’kategorija B il-klabb ta’ Birżebbuġa se jieħu sehem f’żewġ tiġrijiet, Ta’ b’Erbgħa u Ta’ bi Tnejn. F’Ta’ b’Erbgħa l-qaddiefa se jkunu Jonathan Piscopo, Owen Micallef, Ryan Sciortino u Clyde Ciantar.
F’Ta’ bi Tnejn se jieħdu sehem Owen Micallef u Ryan Sciortino.
Kif jixhed it-team ta’qaddiefa li għandu l-klabb nistennew sfida tajba. Ta’ nota li fl-aħħar Regatta kompetittiva, dik Tal-Vitorja fl-2020, Birżebbuġa kienu rebħu kategorija B b’distakk tajjeb ta’ punti.
Birżebbuġa jinsabu armati tajjeb ukoll mil-lat organizzattiv grazzi għall-maħzen il-ġdid li għandhom il-Belt. Bħalissa għaddejjin l-aħħar xogħlijiet fuq dan il-maħzen u fil-ġimgħat li ġejjien mistenni jibda l-proġett tal-gym. Minbarra dan hemm ordnati wkoll żewġ dgħajjes ġodda, waħda Tal-Pass u Kajjik li se jkomplu jsaħħu lit-team ta’ Birżebbuġa.
Ir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien se ssir nhar il-Ħamis 31 ta’ Marzu fil-Port il-Kbir. L-ewwel tiġrija tibda għal ħabta tan-12.30.