Il-preparamenti għall-11-il edizzjoni tal-Valletta Baroque Festival, li se ssir bejn il-11 u d-29 ta’ Jannar, għaddejjin ġmielhom. Dan il-festival qed jiġi organizzat minn Festivals Malta, b’kollaborazzjoni mat-Teatru Manoel u Visit Malta.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici. Huwa spjega li dan il-festival prestiġġjuż se jsir fuq tliet ġimgħat u se jservi ta’ pjattaforma għal 36 kunċert li se jsiru f’20 spazju differenti, fosthom il-Konkatidral ta’ San Ġwann u t-Teatru Manoel.
Hu qal li dan il-festival se juri biċ-ċar kemm il-kultura hi dinamika u taf toħloq opportunitajiet li jkopru n-niċeċ kollha tal-ekonomija kreattiva.
“Fejn tidħol l-epoka Barokka, pajjiżna għandu ħafna biex jiftaħar. Għandu kompożituri straordinarji, mużika sabiħa ferm, arkitettura imprezzabbli u allura dan huwa festival li se jkompli jpoġġi lil pajjiżna u jerfgħu ’l fuq fir-reġjun kollu.”
Iċ-Chairman tal-Festivals Malta, Aaron Zahra, stqarr li l-Valletta Baroque Festival huwa kalamita għat-turiżmu kulturali u jattira dilettanti tal-mużika barokka minn madwar l-Ewropa kollha. Barra minn hekk, jistabbilixxi lil pajjiżna bħala destinazzjoni ewlenija tal-festivals Ewropej.
Din hija t-tieni edizzjoni tal-Baroque Festival li l-Festivals Malta qiegħed jipproduċi minn mindu l-festival żdied mal-portafoll tal-aġenzija lura fl-2021.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Festivals Malta, Anabelle Stivala, saħqet li dan il-festival se jikkumplimenta l-portafoll rikk ta’ festivals kulturali tagħna, filwaqt li kompli jgħolli l-livell tal-aġenzija.
Id-Direttur Artistiku tal-Festival, Kenneth Zammit Tabona, qal li din l-edizzjoni se tinkludi wkoll elementi jazz u rock, b’kompożizzjonijiet orkestrali tas-seklu 20 u oħrajn kontemporanji. Hu aċċenna wkoll għall-versatilità ta’ dan il-ġeneru mużikali, li tant għadu ħaj.
“Mhux biss mużika Barokka, mużika Barokka sabiħa, jiġifieri internazzjonali imma anke Maltija. Se jkun hemm ir-rock, se jkun hemm il-jazz, se jkun hemm traskrizzjonijiet, jiġifieri mużika għall-orkestra, li ġiet komposta, li hija mnebbħa mill-idjoma Barokka.”
Il-Festival se jibda b’kunċert fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, filwaqt li se jikkonkludi bit-tnedija mondjali ta’ quddiesa li se ssir fil-knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta.
Għall-biljetti jew aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tal-Festivals Malta.