Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura f’Malta, li huwa rikonoxxut internazzjonalment, wasal għas-sbatax-il edizzjoni tiegħu.
Dan il-Festival, li se jiftaħ fis-sitta u għoxrin ta’ Awwissu u se jsir fil-Forti Sant’ Iermu, jagħti importanza kbira lil-letteratura u joffri pjattaforma lil ħafna awturi sabiex jibdew jistabbillixxu ruħhom fil-qasam kulturali.
Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, huwa organizzat minn Inizjamed, organizzazzjoni kulturali Mediterranja li tfittex li ġġedded l-espressjoni artistika f’Malta.
Il-Festival huwa kkaratterizzat mill-parteċipazzjoni ta’ awturi u kittieba minn pajjiżi differenti. F’kull lejla, erba’ awturi mistiedna se jaqraw ix-xogħlijiet tagħhom, flimkien ma’ traduzzjonijiet. Il-letteratura se tkun imżewqa mal-mużika ta’ bands mistiedna u mużiċisti residenti.
Il-Kordinatur ta’ dan il-festival, Jean Paul Borg, spjega li dan l-avveniment huwa appuntament ta’ kull sena li jgħaqqad flimkien kittieba u tradutturi attivi minn Malta, mill-Mediterran u lil hinn minnu. Ma’ One News, qal: “Il-festival jiċċelebra l-letteratura għax hija dokumentazzjoni tal-ħajja, ta’ dak li għaddejjin minnu u li forsi tagħti xi ħaġa żejda lil-letteratura. Lilna, apparti li tħallina nikbru, naħseb li tagħtina l-perspettiva ta’ nies differenti; f’dan il-każ ikollna nies minn pajjiżi differenti”.
Dan il-festival qed isir bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti. Id-direttur għall-fondi u l-istrateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, tkellmet dwar il-fatt li l-Kunsill jinvesti f’diversi organizzazzjonijiet kulturali Maltin. Fi kliemha: “Dawn ikunu investimenti multiannwali, jiġifieri li jaqgħu fuq diversi snin, biex dak li jkun jista’ jkollu aktar saħħa matul is-snin u jkompli jikber.”
Il-Festival qed jikkollabora wkoll mal-Creative Europe Desk – Malta, mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, mal-Heritage Malta, u mal-Literature Across Frontiers.