Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott qed jibqa’ jagħmel żbalji mill-iktar bażiċi. Dan qed jagħmlu kemm fil-Parlament kif ukoll mal-midja, tant li f’intervista mal-Maltatoday wera li f’għaxar xhur bħala deputat lanqas intebaħ min hu l-whip tal-grupp parlamentari tal-Gvern.
Skont dak li Carabott qal lill-Maltatoday, id-deputat Glenn Bedingfield m’għandux ipoġġi fuq il-Kumitat parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi għax huwa l-whip tal-Gvern. Filwaqt li m’hemm ebda regola li tgħidlek li whip ma jistax ikun f’dan il-kumitat, Carabott lanqas biss induna li Bedingfield mhuwiex il-whip tal-Gvern.
Il-website tal-Parlament turi li Bedingfield għandu rwoli importanti, fosthom li jmexxi l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, iżda nzertaw li dan mhux dak li semma Carabott.
Dan mhux l-ewwel żball bażiku riċenti tad-deputat Carabott, li hu rrapportat li f’laqgħa tal-grupp parlamentari Nazzjonalista qal lill-Kap li mhux juri biżżejjed sens ta’ tmexxija.
Fil-Parlament, lill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, Carabott staqsih dwar il-ħsieb li l-gwardjani lokali jiġu jaqgħu kollha taħt entità pubblika. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri fakkru li dak li qed jistaqsi dwaru ilu li sar mill-2018, meta wara li twaqqfet l-Aġenzija LESA l-ħaddiema tal-kuntrattur, li huma msejħa uffiċjali tal-komunità, ġew trasferiti mal-Aġenzija.
L-istess Deputat Nazzjonalista staqsa dwar titjib tal-kundizzjonijiet u l-pagi tal-gwardjani lokali. Il-Ministru hawnhekk fakkar f’kif il-ħaddiema tal-Aġenzija LESA diġà qed igawdu minn kundizzjonijiet aħjar, wara li f’Lulju li għadda ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid li ntlaqa’ tajjeb mill-ħaddiema ta’ din l-Aġenzija.