Refujġjat li qed jgħix fiċ-ċentru l-miftuħ ta’ Ħal Far ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li ħebb għall-uffiċjali tas-sigurtà li jaħdmu hemm.
Jidher li l-imputat, li għandu 23 sena u huwa mill-Eritrea, irreżista b’mod vjolenti t-tneħħija tiegħu miċ-ċentru, u kkawża ġrieħi ħfief lil żewġ uffiċjali tas-sigurtà, u fl-istess ħin kkawża ħsara lill-uniformi tagħhom. Ir-raġuni għal xiex kien se jitneħħa miċ-ċentru mhux magħrufa.
Huwa tressaq il-Qorti mixli li ħebb u hedded lill-uffiċjali pubbliċi, li kkawża ħsara lill-uniformi tal-pulizija, u li weġġa’ ħafif lil uffiċjali pubbliċi. Fl-istess ħin kien akkużat li kiser il-bon ordni u ma’ obdiex struzzjonijiet uffiċjali.
Wara li l-każ kien diskuss fil-privat fuq ordni tal-Maġistrat, l-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih. Wara li kien imwissi mill-Maġistrat li jista’ jmur il-ħabs, huwa baqa’ jgħid li hu ħati.
Il-Qorti kkundannatu sena ħabs sospiża għal sentejn, u multa ta’ €4,000 li jrid iħallas f’ammont ta’ €115 fix-xahar.