Kienu biss 22% tar-residenti tas-Sannat li pparteċipaw fir-referendum konsultattiv li seħħ illum dwar l-iżvilupp f’Ta’ Ċenċ li jinkludi heritage park, estensjoni ta’ lukanda, u żvilupp ta’ 15-il villa.
Għal dan ir-referendum, imsejjaħ mill-Kunsill Lokali tal-lokalità, kienu eliġibbli li jivvutaw 1,901 iżda pparteċipaw biss 423 resident. Filwaqt li 295 ivvutaw ‘Le’ għall-iżvilupp imsemmi, 126 wieġbu ‘Iva’. Żewġ voti kienu invalidi.
Is-Sindku tal-Kunsill Lokali tas-Sannat, Philip Vella, qal li l-Kunsill se jkun qed jitlaqqa’ b’urġenza nhar it-Tlieta li ġej biex tkun diskussa t-triq ’il quddiem. Huwa qal li se jkun qed jirrispetta d-deċiżjoni tal-maġġoranza, u jekk il-kumplament tal-kunsilliera jieħdu l-istess linja tiegħu, il-Kunsill jieħu pożizzjoni kontra l-iżvilupp quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
B’reazzjoni għan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni f’dan ir-referendum, Vella qal li jkollok minn juri nuqqas ta’ interess fl-iżvilupp u oħrajn li jkollhom interess f’parti mill-proġett.