Iċ-Ċentru tar-Refereeing fi ħdan il-Malta Football Association organizza s-seminar annwali ta’ qabel il-ftuħ tal-istaġun għall-uffiċjali tal-logħba fil-kategorija Elite. Dan sar fil-belt Ġermaniża ta’ Duisburg.
Taħt l-awspiċi tal-FIFA u l-UEFA, s-seminar ra l-parteċipazzjoni ta’ 43 uffiċjal u disa’ amministraturi, mmexxija mid-Direttur tar-Referees Kevin Azzopardi, u l-Assistenti Diretturi Andrè Arciola u Adrian Azzopardi.
Is-seminar kien jinkludi sessjonijiet ta’ teorija u prattika flimkien ma’ analiżi oħra marbuta mal-Laws of the Game. L-uffiċjali preżenti għal dan is-seminar sarilhom il-fitness test tal-FIFA taħt is-superviżjoni tal-kowċis Ronald Zammit u Clayton Pisani. Il-kelliem ewlieni f’dan is-seminar kien l-Instructor tal-FIFA Juan Antonio Fernandez Marin, li jokkupa l-kariga ta’ Viċi Chairman fil-kumitat tar-Referees fi ħdan il-Federazzjoni tal-Football Griega.
Sadanittant sitta mill-uffiċjali Maltin preżenti fil-Ġermanja ikkontrollaw anke xi logħbiet ta’ ħbiberija. Dan serva ukoll bħala eżerċizzju ta’ match observation għall-grupp kollu preżenti. Ishmael Barbara, Dusan Petrovic u Mark Ciantar ikkontrollaw il-konfront bejn Poll u Rondorf, waqt li Alex Johnson, Darko Stankovic u James Muscat ingħataw il-logħba taż-żgħażagħ bejn FC Kaiserslautern u FC Hennef.
Waqt is-seminar saru preżentazzjonijiet fuq aspetti tekniċi tar-refereeing mill-Viċi Chairman tal-kumitat tar-Referees fi ħdan l-MFA, Charles Agius, kif ukoll mill-membri tal-Elite Unit, Alexander Arena, Marco Borg u Charles Micallef.