Wara li l-gazetta ‘Kulħadd’ żvelat s-salarji tal-ogħla uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, inħoloq rebus fost il-grupp ta’ madwar il-Kap Adrian Delia.
Dan għax dawk li ħadu l-ħatriet tal-Partit Nazzjonalista spiċċaw iridu jiddefendu ruħhom mal-kunsillieri u l-attivisti li qed jaraw il-każini li ħadmu għalihom jinbiegħu fl-istess ħin li nies bħal Pierre Portelli u Clyde Puli wrew li huma mhux beħsiebhom jagħmlu tant sagrifiċċju ladarba appoġġjaw lil Delia biex isir Kap.
Pierre Portelli u Clyde Puli se jkunu qed idaħħlu madwar €90,000 fis-sena u dwar dan ma kien hemm ebda ċaħda uffiċjali mill-Partit Nazzjonalista. Kien biss meta dawn id-dettalji, żvelati mill-Kulħadd, nqabdu wkoll mill-Maltatoday li Pierre Portelli u Clyde Puli bagħtu messaġġ jippruvaw jiċħdu l-fatti mingħajr ma ppubblikaw xejn li juri l-kuntrajru.
Ivan Bartolo u Jean Pierre Debono, wieħed business development manager u l-ieħor Direttur li se jibqa’ jagħmel l-istess xogħol ta’ Assistent Segretarju Ġenerali għandhom pakkett ta’ €60,000 u €50,000 fis-sena rispettivament. Direttur ukoll se jkun Dione Borg.
Tagħrif li kellha l-gazzetta, juri li hemm madwar 15-il deputat li qed jgħidu lil Delia biex jippubblika l-kuntratti ta’ dawk ta’ madwaru f’att ta’ trasparenza u kredibbiltà.
Xi ħaġa li Delia qed jirreżisti għax qal li dan qatt ma sar. Imkejjen fil-Partit Nazzjonalista spjegawlna wkoll li hemm raġunijiet oħra għaliex dan jista’ jkun ma jsirx li dettalji dwarhom jafu joħorġu fiż-żmien li ġej.
Meta ffaċċjat internament Delia qed jipprova jagħti l-impressjoni li dak żvelat ma kienx minnu u qal li dan sar għax il-Partit Laburista jrid iħarbatlu l-ġbir ta’ fondi.
Però din mhux tinżel. Għaldaqstant, id-deputati qed jisfidaw lil Delia sabiex jippubblika l-kuntratt. Tul din il-ġimgħa, ħafna argumentaw li qabel l-Partit Nazzjonalista jmur jiġbor il-flus, għandu jkun trasparenti.