Fil-grupp parlamentari Nazzjonalista qam rebus hekk kif Bernard Grech qed jagħmel ir-reshuffle fix-shadow cabinet tiegħu, aktar minn mitt jum wara li sar Kap.
Is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali qed jgħidu li bosta deputati, inkluż dawk tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil jinsabu bir-ragħwa f’ħalqhom għal Bernard Grech wara li mhux jogħġobhom il-portafoll li jrid itihom.
Is-sitwazzjoni mistennija tkompli tikkumplika ruħha hekk kif deputati tal-istess fazzjoni li matul is-sajf ħadmu biex Bernard Grech jitpoġġa flok Adrian Delia, issa jridu l-istess qasam biex ikunu kelliema għalih.
Fil-fatt Bernard Grech spiċċa jħabbel rasu bejn Karol Aquilina u Jason Azzopardi għaliex tal-ewwel irid ikun kelliem għall-Ġustizzja u tal-aħħar ma jridx jitilqu minn idu.
Nifhmu wkoll li ċertu deputati daħlu għal-laqgħa u ħarġu minnha bil-ġlied tant li anki sabbtu l-bieb f’wiċċ Bernard Grech, li qed iħalli f’idejn Ray Bezzina, wieħed minn dawk tar-Repubblika u li ngħata l-barka biex jgħin lil Kap minn Louis Galea.
Kien hemm uħud mid-deputati li oġġezzjonaw għall-preżenza ta’ Ray Bezzina fil-laqgħa mal-Kap u ma ridux jitkellmu ma’ Bernard Grech qabel ma’ Bezzina jħalli l-kamra.
Bezzina tpoġġa ma’ Grech fuq insistenza ta’ Louis Galea li mindu laħaq Bernard Grech bħala Kap, għandu uffiċċju fl-istamperija u qed jagħti l-ordnijiet.
Fost dawk li telqu ‘l barra u sabbtu l-bieb hemm Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia li ma kienu kuntenti xejn b’dak li kien qed joffrilhom il-Kap.
Nies li jkunu fid-Dar Ċentrali nstemgħu jgħidu li Comodini Cachia ħaditha ġewwa wisq wara li kienet hi li ħarġet għonqha fi żmien meta l-grupp parlamentari Nazzjonalista sfiduċja lil Adrian Delia.
Fil-fatt hu mifhum li Comodini Cachia tħallilha biss il-portafoll tal-midja minn portafoll wiesa’ aktar li kien jinkludi s-settur artistiku u tad-divertiment.
Il-konfużjoni kompliet tikber meta l-Viċi Kap u alleat ta’ Adrian Delia, Robert Arrigo tneħħielu s-settur tat-turiżmu.
Fil-fatt Arrigo, li tant kien jitkellem fuq is-settur turistiku bħala anki imprenditur involut fil-qasam, ġie infurmat li mhux ħa jkun qed jingħata dan il-portafoll.
Il-ġlied kompla jqum meta Stephen Spiteri ġie nfurmat li mhux se jibqa’ jkun kelliem għas-saħħa.
Il-mossa li jitwarrab tabib li jġib saħħa ta’ voti għall-Partit Nazzjonalista fuq it-tieni distrett ma niżlet xejn tajjeb, iktar u iktar li dan il-qasam mistenni jingħata lil Claudio Grech.
Fuq din il-mossa kellna l-konferma ta’ Wayne Hewitt, esponent favur Bernard Grech li kiteb fuq Facebook u qal li fis-saħħa għandek bżonn manager u mhux tabib.
Diżulluż mil-laqgħa dwar ix-shadow cabinet ħareġ ukoll David Thake li ġie offrut li jkun kelliem għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-istrateġija għal wara l-Covid-19.
Qasam li l-Oppożizzjoni għadha mingħajr kelliem, xahrejn wara bidliet fil-Kabinett.
Thake urta ruħu li se jitlef il-portafoll tal-ambjent u mid-Dar Ċentrali ħareġ bil-buri.
Mario Galea, deputat ieħor ta’ Delia ġie sempliċiment infurmat li mhux se jibqa’ jkun kelliem għas-saħħa mentali.
Fuq Adrian Delia għadu ma nstema’ xejn iżjed, b’Delia jidher li ma jridx ikun kelliem għal xi qasam partikolari.
Intant Bernard Grech qed joqgħod attent ma jidhirx iżejjed fil-pubbliku biex ma joqgħodx jieħu l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar ix-shadow cabinet dan hekk kif issa nqabad f’gidba.
Fil-fatt f’intervista ma’ Reno Bugeja nhar il-Ġimgħa qal li m’għandux għalfejn jaħtar Shadow Cabinet.