F’partita li pproduċiet xejn inqas minn ħames goals li kollha waslu fl-ewwel taqsima, Hibernians għelbu l-isfida ta’ Naxxar Lions bl-iskor strett ta’ 3-2.
Interessanti huwa l-fatt li dawn iż-żewġ timijiet kienu qed jerġgħu jiltaqgħu wara biss tliet ijiem wara li nhar il-Ħamis li għadda ltaqgħu fil-kwarti tal-finali tal-Meridianbet FA Trophy, bil-Pawlisti joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0.
Hibernians reġgħu kellhom jgħaddu mingħajr is-servizzi ta’ Lucas Caruana u Jurgen Degabriele minħabba injury, b’dan tal-aħħar mistenni jirritorna fl-azzjoni wara l-waqfa tan-Nazzjonal.
Qabel il-partita, il-player ta’ Naxxar Lions, Edson Farias Cerqueira, ingħata l-unur tal-MVP Lifestar Insurance għal Frar mill-Kap Eżekuttiv ta’ Lifestar Insurance, Roberto Apap Bologna.
Kienu Naxxar li fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu li ħolqu fir-raba’ minuta meta l-ballun intemm għand il-captain EDSON FARIAS CERQUEIRA li mill-viċin b’eleganza qabbeż il-ballun minn fuq il-goalkeeper Spanjol tal-Pawlisti, Pablo Nino Sanchez.
Iżda l-Pawlisti ma rmewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjoni tajba u fl-10 minuta Khevin Rodrigo Fraga mill-viċin ra l-konklużjoni tiegħu tintemm ftit għoli, b’Naxxar jeħilsuha ħafif.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fl-14-il minuta meritatament ġabu l-iskor indaqs meta LUCAS VILLELA LAPERT b’xamma kbira għall-goal minn pożizzjoni ideali tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka, biex b’hekk kompla jikkonferma li jinsab f’forma mill-aqwa fejn jista’ jitqies bħala magna ta’ goals għat-tim tiegħu.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Pawlisti u fit-22 minuta rduppjaw l-iskor meta reġa’ kien LUCAS VILELLA LAPERT li mill-viċin tefa’ l-ballun wara l-goalkeeper żagħżugħ ta’ Naxxar, Matthias Debono, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali.
U jidher li huma ma kinux kuntenti biżżejjed b’dan l-iskor hekk kif man-nofsiegħa logħob għamluhom tlieta permezz ta’ freekick mill-isbaħ ta’ DEXTER XUEREB li ma ta l-ebda ċans lil Debono.
Il-partita kompliet tisbieħ u fit-38 minuta Naxxar naqsu l-marġni tal-iskor meta EDWARD ORLANDO BOLANOS ANGULO kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u minn taħt il-lasta tefa’ gewwa.
Kien biss fid-69 minuta li waslet l-azzjoni denja ta’ nota sussegwenti, b’Naxxar ikunu huma li joħolqu l-periklu meta cross-shot insidjuż ta’ Maicon De Souza Silva ġie interċettat minn Sanchez.
Iżda kienu Hibernians li kellhom f’saqajhom il-ballun tar-raba’ goal fit-73 minuta meta s-sostitut Natha Carvalho likien ilu biss ftits ekondi fil-ground, kellu l-konklużjini fil-baxx tiegħu salvata parzjalment minn Debono biex mir-rebound, Lucas Villela Lapert kellu x-xutt tiegħu ikklerjat minn difensur ta’ Naxxar.
Huma komplew fuq l-offensiva u fis-87 minuta reġgħu fallew ċans inkredibbli ta’ skor meta Lucas Villela Lapert mill-viċin tefa’ barra.
Hibernians komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Emanuel Grech
Plejer tal-Logħba: Lucas Villela Lapert (Hibernians FC)