Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ddeċieda li ma jiddeċidiex, u ċeda għad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Il-gazzetta Kullħadd innotat kif fil-ġimagħtejn ta’ qabel kellu jerġa’ jibda jiltaqa’ l-Parlament, il-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-ambjent Jason Azzopardi, beda joħroġ stqarrija wara oħra.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista li tkellmu mal-gazzetta spjegaw li beda jaġixxi b’dan il-mod għax ried jibgħat messaġġ lil Adrian Delia biex ma jneħħihx minn kelliem għall-ambjent.
Xi ħaġa li kienet fuq l-aġenda ta’ Adrian Delia li xtaq jagħmel bidla wara li b’diffikultà rebaħ vot ta’ fiduċja fis-sajf li għadda.
Delia ried irażżan lil Azzopardi għax kien wieħed mill-iktar li ħadmu kontra tiegħu.
Huwa kellu pressjoni kbira biex ineħħi lil Jason Azzopardi minn kelliem għall-ambjent għax jekk il-Partit Nazzjoanlista jrid ikun kredibbli ma jistax ikollu kelliem li kien membru tal-Kabinett fil-Gvern li ħa fost l-agħar deċiżjonijiet ambjentali, fosthom l-estensjoni taż-żoni ta’ żvilupp fl-2006 li l-konsegwenzi tagħha għadhom jinħassu sal-lum.
Iżda mhux biss Delia għandu lil Kevin Cutajar, li tela’ bil-co-option fis-sajf, u lil Hermann Schiavone, it-tnejn deputati mingħajr portafoll. Bħalhom hemm Simon Busuttil.
Hemm ukoll is-suġġett tal-Affarijiet Ewropej li għalih kien kelliem David Stellini, li llum mhu qiegħed għand ħadd. Dan wara li David Stellini kien irriżenja għax xeba’ bis-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista u telaq lejn Brussell.
Għaldaqstant kien naturali li Adrian Delia jagħmel dawn il-bidliet fis-shadow cabinet.
Aktar minn hekk, Delia ma kienx ċaħad li se jagħmel reshuffle u se jibdel lil Azzopardi fil-programm XTRA fl-1 ta’ Awwissu.
Iżda Delia kellu pressjoni kbira fuqu u spiċċa kellu jċedi, tant li hu u l-istrateġisti tiegħu ddeċidew li ma jibdel xejn u reġgħu ċedu għal Jason Azzopardi.