Wara r-rebħa stretta ta’ 2-1 fil-Merdianbet FA Trophy nhar l-Erbgħa li għadda, Hamrun S. kisbu double fuq Zabbar SP meta għelbuhom bi skor strett ieħor din id-darba ta’ 1-0.
Madankollu, il-wirja tal-Ispartans ma kienitx wirja tajba ħafna speċjalment fit-tieni taqsima li fiha Zabbar SP dehru ittrasformati u ħolqu diversi ċansijiet ta’ skor.
Ghal Hamrun iddebuttaw fil-kampjonat il-player Kroat, Mihael Klepac u dak Albaniż, Redon Mihana. Min-naħa l-oħra, Zabbar SP kellhom lil Dorde Jovicic sospiż.
Kienu Hamrun li ħarġu fuq l-offensiva u fl-10 minuta Ryan Camenzuli xeħet cross pinġut fid-direzzjoni ta’ Mihail Klepac li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm barra.
Tmien minuti wara Ryan Camenzuli dejjem għall-Ispartans prova jaħsad lill-goalkeeper żagħżugħ ta’ Zabbar Luca Camilleri permezz ta’ xutt mid-distanza li iżda ntemm ftit għoli.
Kulma jmur kompla d-dominju tal-Ispartans u fl-20 minuta rebħu penalty meta l-player ta’ Zabbar, Joao Pedro De sa Mendonca, deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa. Iżda mill-11-il metru inkariga ruħu Joseph Essien Mbong li tefa’ inkredibbilment barra.
Huma komplew jippressaw u fil-35 minuta daqqa ta’ ras mill-viċin tal-Albaniż Redon Mihana għaddiet ftit barra.
Hamrun tilfu ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor fit-38 minuta meta Klepac minn pożizzjoni ideali minn taħt il-lasta re t-tentattiv tiegħu jintemm ftit barra.
Iżda azzjoni wara l-oħra huma finalment fetħu l-iskor minuta fuq il-ħin miżjud tal-ewwel taqsima meta l-player internazzjonali tal-Bolivja, CESAR MENACHO, kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u permezz ta’ lob delizzjuż tefa’ ġewwa, biex b’hekk skorja l-ewwel goal tiegħu bil-flokk tal-Isparatns.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, iż-Zabbarin ħarġu ferm aggressivi u fil-50 minuta, is-sostitut Stefan Ilic li kien ilu biss erba’ minuti fil-ground kellu l-konklużjoni tiegħu mill-viċin tintemm ftit barra.
Huma komplew fuq l-offensiva u fis-57 minuta Brian Ariel Gambarte kellu xutt sabiħ salvat bi bravura mill-goalkeeper internazzjonali Malti tal-Ispartans, Henry Bonello.
Huma komplew jippressaw u għaxar minuti wara daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Jurgen Pisani ħarġet l-aħjar ta’ Bonello li salva b’mod stupend.
Hamrun wieġbu fl-84 minuta meta s-sostitut Luke Montebello deher li seta’ jkompli javvanza fil-kaxxa iżda bħal donnu tfixkel fil-ballun, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Fil-ħin mizjud Camenzuli xeħet cross għan-nofs iżda ħadd mill-players sħabu ma rnexxielu jagħmel kuntatt mal-ballun, b’azzjoni oħra tisfuma fix-xejn għall-Ispartans.
Huma komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Ishmael Barbara
Plejer tal-Logħba: Cesar Menacho (Hamrun S.)