Permezz ta’ wirja ferm pożittiva, Gzira United, għelbu l-isfida ta’ Naxxar Lions bl-iskor minimu ta’ 1-0, liema skor iżda meta wieħed iqis dak kollu li pproduċew tul id-90 minuta, seta’ faċilment kien ikbar favurihom.
Min-naħa l-oħra, Naxxar xejn ma mpressjonaw anzi ddiżapuntaw bis-sħiħ fejn jidher li t-telfa kbira ta’ 4-1 kontra l-leaders Hamrun Spartans fil-jiem preċedenti m’għenet xejn biex tgħolli l-moral tagħhom. Fil-fatt huma dehru biss dell tat-tim li tant impressjona fi stadjijiet iktar bikrija ta’ dan l-istaġun fejn kisbu punti prezzjużi kontra timijiet iktar ikkwotati minnhom.
B’hekk, il-Maroons laħqu lil Valletta fid-disa’ post tal-klassifika bi 18-il punt, biex b’hekk ħarġu miż-żona l-ħamra tar-relegazzjoni.
Kienu Gzira li ħolqu l-ewwel periklu fid-disa’ minuta meta Brookyln Borg mill-viċin spara għoli. Il-partita kompliet tiżvolġi b’ħafna logħob f’nofs il-ground dan sat-42 minuta meta daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Thaylor Aldama għal Gzira għaddiet għoli.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Gzira komplew fejn ħallew fl-ewwel waħda u fis-47 minuta Lucas Macula kellu x-xutt tiegħu jintemm għoli.
Il-maroons komplew jippressaw u meritatament fetħu l-iskor fil-55 minuta permezz ta’ xutt fil-baxx u angulat ta’ Thiago Espindola li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper ta’ Naxxar, Matthias Debono, bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka.
Bħall-ewwel taqsima, il-partita kompliet ikkaraterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, biż-żewġ timijiet jannullaw lil xulxin f’dan id-dipartiment, u bil-Maroons ikomplu jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Trustin Farrugia Cann
BOV Plejer tal-Logħba: Thiago Espindola (Gzira U.)