Valletta għamlu dak li kien meħtieġ minnhom akkost ta’ kollox u kisbu rebħa minima ta’ 1-0 kontra Balzan, biex b’hekk baqgħu jittamaw li staġun ieħor jilagħbu mal-elite tal-football Malti jiġifieri fil-Kampjnat BOV Premier.
Kienu Balzan li ħolqu l-ewwel periklu fis-sitt minuta permezz ta’ freekick insidjuż ta’ Triston Caruana li għadda ftit barra.
Valletta wieġbu fit-22 minuta meta ż-żagħżugħ Jake Azzopardi permezz ta’ cross-shot ma sab lil ħadd mill-players sħabu biex jagħmel kuntatt mal-ballun, li finalment intemm barra, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u sitt minuti wara Keyon Ewurum kellu x-xutt tiegħu mid-distanza li ntemm ftit għoli.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tat-tim mill-kapitali u fil-41 minuta meritatament fetħu l-iskor meta Victor Luiz Prestes Filho qabad il-goalkeeper ta’ Balzan Rudy Briffa ftit barra minn postu u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża qabbeż il-ballun għal ġewwa, fost id-delirju ta’ ferħ tal-partitarji numerużi Beltin.
Huma komplew fuq l-offensiva u erba’ minuti wara David Garba ttanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li kważi ħasad għal kollox lil Briffa li m’għamilx moviment, iżda l-konklużjoni tiegħu ntemmet barra.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Balzan, ħarġu ferm tajjeb u fl-54 minuta Jan Busuttil kellu f’saqajh il-goal tad-draw iżda x-xutt tiegħu mill-viċin għadda jħakkek ma’ sieq il-wieqfa, bil-Beltin jeħilsuha ħafif.
Huma reġgħu ħolqu l-periklu fit-72 minuta meta s-sostitut Benjamin Hili għadda tajjeb lejn Olivier Rommens li ttanta xortih permezz ta’ xutt mill-ewwel mid-distanza li iżda ntemm għoli.
Balzan għamlu minn kollox biex iġibu l-iskor indaqs, iżda Valletta komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Philip Farrugia
BOV Plejer tal-Logħba: Victor Luiz Prestes Filho (Valletta FC)