F’partita nieqsa ferm mill-eċċitament, ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, f’dak li hu magħruf bħala d-‘Derby l-Antik ta’ Malta’, Floriana għelbu lil Sliema Wanderers bl-iskor minimu ta’ 1-0 bil-goal uniku għalihom jasal lejn tmiem l-ewwel taqsima minn Emerson Santos De Souza.
Wara t-telfa ta’ 2-0 fil-finali tal-BOV Super Cup kontra Hamrun Spartans, din kienet it-tieni telfa konsekuttiva għal Sliema, fejn bħall-finali imsemmija xejn ma kelhom wirja pożittiva u naqsu milli jimpressjonaw.
Fit-43 minuta, fl-ewwel u l-unika azzjoni denja fl-ewwel taqsima, Floriana fetħu l-iskor meta f’azzjoni maħduma bizzila bejn Emerson Santos De Souza u Matias Garcia, EMERSON SANTOS DE SOUZA, permezz ta’ xutt fil-baxx għaleb ghal kollox lill-goalkeeper tal-Wanderers, Kelvin Emeka Agu.
Sliema tilfu ċans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs fit-58 minuta meta Mohamed Awad kellu xutt mid-distanza jintemm ftit barra.
Floriana wieġbu ħames minuti wara permezz ta’ xutt ieħor mid-distanza din id-darba ta’ Franklin Sasere li ma’ ħoloq ebda periklu serju.
Il-Greens komplew jiddettaw il-logħob u fid-79 minuta Fernendinho kellu konklużjoni mhux daqstant preċiża li ntemmet barra.
Sliema tilfu ċans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs fil-91 minuta meta cross ta’ Achemping ġie salvat minn Mafoumbi, biex mir-rebound Myles Beerman mattar siequ iżda l-konklużjoni tiegħu ġiet salvata għal darb’oħra minn Mafoumbi.
Dan sabiex minuta biss wara, Floriana qalgħu daqqa ta’ ħarta hekk kif spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta tkeċċa għalihom il-player Fernandinho wara li rċieva żewġ karti sofor fi spazju ta’ ħames minuti.
Madankollu, għalkemm bi player inqas, Floriana, komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita mingħajr xkiel.
Referee: Slobodan Petrovic
Plejer tal-Logħba: Emerson Santos De Souza (Floriana FC)