Floriana komplew jikkonvinċu meta għelbu lil Valletta bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals għalihom jaslu wieħed f’kull taqsima, biex issa fetħu vantaġġ temporanju ta’ ħames punti fuq Hamrun Spartans.
Kienet rebħa meritata għall-Greens li ddettaw il-logħob għall-ħinijiet twal, b’Valletta jkollhom il-waqtiet pożittivi tagħhom tul il-partita iżda naqsu milli jkunu inċisivi u issa qed jirriskjaw bil-kbir li staġun ieħor jilagħbu fil-BOV Challenge League.
Kien biss fis-26 minuta li walset l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fil-partita, bi Floriana jkunu huma li joħolqu l-periklu meta Dunstan Vella minn ġol-kaxxa kellu x-xutt tiegħu jiġi salvat bi bravura minn mal-art mill-goalkeeper Taljan ta’ Valletta, Alessandro Guarnone.
Humackomplew fuq l-offensiva u żewġ minuti biss wara Kemar Reid dar tajjeb mal-goalkeeper tal-Lilywhites, Alessaandro Guarnone, iżda sab lil Juan Ramires Bolanos li salva l-ballun minn fuq il-linja fatali biex salva goal ċert.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Greens u fil-35 minuta, meritatament fetħu l-iskor meta Kemar Reid seraq ballun lid-difiża Beltija, qabel b’xamma kbira għall-goal minn ġol-kaxxa tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka, b’dan ikun it-13-il goal staġjonali tiegħu.
Floriana komplew jiddettaw il-logħob anke fit-tieni taqsima u fid-59 minuta Matias Nicolas Garcia kellu x-xutt tiegħu salvat minn Guarnone, biex mir-rebound Matheus De Sousa kellu l-konklużjoni tiegħu tiġi devjata f’corner mid-difiża avversarja. Huma ssiġillaw ir-rebħa permezz tat-tieni goal fit-83 minuta meta Jake Grech avvanza mil-lemin fil-kaxxa u tefa’ l-ballun wara Guarnone, fost id-delirju ta’ ferħ tal-partitarji numerużi Furjaniżi.
Floriana komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita biex meritatament ħadu t-tlett punti.
Referee: Ishmael Barbara
BOV Plejer tal-Logħba: Kemar Reid (Floriana FC)