Mosta bdew it-tieni round tat-360 Sports Malta Premier b’rebħa minima iżda prezzjuża ta’ 1-0 kontra Gżira United.
Huma komplew iżommu l-konsistenza f’dan il-kampjonat meta tqis li fir-round tal-ftuħ kienu saħansitra spiċċaw fit-top 6.
Għalkemm il-logħba m’offrietx xi emozzjonijiet kbar, il-Mostin kien jimmeritahom ir-rebħa għax baqgħu dixxiplinati tattikament bl-avversarji Gżirjani li llum ma kinitx il-ġurnata tagħhom.
Kienu Gżira United li ħolqu l-ewwel azzjoni denja ta’ nota, eżattament fil-31 minuta meta kien Thiago Espindola de Paula li ħa ballun tajjeb u fajjar xutt minn barra l-kaxxa li ħabat mal-mimduda u baqa’ sejjer għoli mil-lasti ta’ David Akpan, il-goalkeeper ta’ Mosta.
Tmien minuti wara, Mosta irrispondew b’azzjoni tajba bejn Joshua Agyemang u Giancarlo Goncalves b’dan tal-aħħar li kellu x-xutt tiegħu milqugħ tajjeb mill-goalkeeper ta’ Gżira United Marko Copic.
B’hekk sal-ewwel taqsima ma rajna ebda gowl bejn dawn iż-żewġ timijiet.
Wara li fit-tieni taqsima, ir-ritmu tal-partita naqas xi ftit, kien fis-70 minuta li Mosta marru minn fuq bi freekick pinġut tal-plejer veteran Clayton Failla, bil-ballun li l-ewwel ħabat mal-mimduda qabel ma niżel fix-xibka wara Marko Kopic fost il-ferħ tal-plejers, diriġenti u partitarji ta’ Mosta.
Failla, li kien ivvutat bħala l-aqwa plejer tal-partita mill-ġurnalisti preżenti, kellu l-aħħar tentattiv tal-partita permezz ta’ freekick ieħor li din id-darba sab l-oppożizzjoni ta’ Marko Kopic li laqa’ l-ballun għall-corner.
Din kienet rebħa importanti għal Mosta li b’hekk fetħu l-closing round ta’ dan il-kampjonat fuq sieq tajba.
Mhux l-istess jista’ jingħad għal Gżira li wara li ma rnexxielhomx jaslu sat-top 6 tal-opening round ta’ dan il-kampjonat, kellhom jibdew b’telfa.
Referee: Fyodor Zammit
Plejer tal-Logħba: Clayton Failla (Mosta FC)