Fic-Centenary Stadium, il-Ġimgħa filgħaxija bdiet tintlagħab it-23 ġurnata mill-Kampjonat Premier fejn iltaqgħu kontra xulxin Santa Lucia u Marsaxlokk.
Il-bidu tal-partita kien wieħed kajman b’ħafna logħob f’nofs il-grawnd li ma wassal għal ebda azzjoni ta’ periklu.
L-ewwel azzjoni perikoluża ħolquha Marsaxlokk fit-22 minuta meta s-solitu Yuri Messias ra l-konklużjoni tiegħu tmur barra. Ir-risposta ta’ Santa Lucia waslet eżatt għaxar minuti wara meta l-konklużjoni ta’ Nagamatsu ġiet imdawwra f’corner minn Calleja Cremona.
Santa Lucia mill-ġdid perikolużi tliet minuti wara meta free-kick ta’ Steve Pisani ġie salvat għal darba minn Calleja Cremona f’corner.
Il-mument pożittiv ta’ Santa Lucia ġie mtappan eżatt qabel il-mistrieħ meta huma spiċċaw jilgħabu b’plejer anqas wara li tkeċċa Temitope Abraham għat-tieni karta safra biex l-ewwel taqsima għalqet 0 – 0.
It-tieni taqsima bdiet b’azzjoni kontroversjali hekk kif Marsaxlokk fil-69 minuta ingħataw penalty meta skont ir-referee tal-konfront Matthew Degabrielle, Jose Fernando Gomes ġie mwaqqa fil-kaxxa. Mill-11 il-metru Yuri Messias ma falliex it-tentattiv biex poġġa lill-Marsaxlokk fil-vantaġġ.
Minn hawn il-quddiem, kienu Marsaxlokk li ħadu r-riedni tal-partita u erba minuti wara għamlu l-iskor 2 – 0 meta Jose Fernando Gomes venven xutt li spiċċa wara De Paz.
Żewġ minuti mit-tmiem, Marsaxlokk skorjaw it-tielet goal meta free-kick dirett ta’ Sunday Akinbule spiċċa fix-xibka għal 3 – 0 riżultat finali.
Referee: Matthew Degabriele
BOV Plejer tal-Logħba: Jose Fernando Gomes (Marsaxlokk)