Marsaxlokk xejn ma tħabtu biex għelbu lil Melita bl-iskor kbir ta’ 5-0, biex b’hekk kisbu post mat-Top Six.
Għal Melita irritorna jiddefendi l-lasti, il-goalkeeper żagħżugħ ta’ 24 sena Gosef Mizzi fejn ħa post il-goalkeeper Pollakk Andrżej Aleksander Lubik. Huma kellhom lil Aldair Pena Simanca sospiż wara li ġabar erba’ karti sofor.
Min-naħa l-oħra għal Marsaxlokk irritornaw fl-azzjoni Jose Ulises Arias u Nikolai Muscat wara li servew logħba sospensjoni, waqt li għalihom irritorna wkoll fl-iskwadra il-goalkeeper Taljan Federico Marchetti, wara li kien imweġġa’ iżda ma kienx inkluż fl-azzjoni, fejn iddefenda l-lasti Xlukkajri, il-goalkeeper Matthew Calleja Cremona.
Kien biss fis-36 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fil-partita b’Marsaxlokk ikunu huma li joħolqu l-periklu meta Leandro Aguirre indirizza cross preċiż fid-direzzjoni tal-iskorer prolifiku Brażiljan Alex De Aguilar Gomes li kellu d-daqqa ta’ ras b’lura tegħu salvata tajjeb minn Mizzi biex salva goal ċert.
Huma komplew jheddu u żewġ minuti biss wara, Yuri De Jesus Messias ittanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li iżda intemm għoli.
Kulma jmur kompla d-dominju tax-Xlukkajri u fid-39 minuta meritatament fetħu l-iskor meta l-istess YURI DE JESUS MESSIAS venven xutt b’saħħtu fil-baxx minn ġol-kaxxa, bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka, fejn Mizzi ma seta’ jilħaq qatt.
Melita wiegbu fit-52 minuta meta s-sostitut Karl Mohnani għadda tajjeb lejn Jesus Andres Yepez Morlets li venven xutt b’saħħtu minn pożizzjoni ideali li għadda jħakkek mal-wieqfa, b’Marsaxlokk jeħilsuha ħafif.
Iżda ħames minuti wara Marsaxlokk rebħu penalty meta Alan Borg Olivier waqqa’ lill-captain Ryan Scicluna fil-kaxxa. Mill-11il-metru inkariga ruħu l-ispeċjalista YURI DE JESUS MESSIAS, li ma żbaljax hekk kif b’eleganza u permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun naħa u lil Mizzi n-naħa opposta, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali fil-partita.
Huma komplew fuq l-offensiva u fil-65 minuta l-istess Yuri de Jesus Messias kien għoddu irreġistra hat-trick personali, iżda kellu x-xutt tiegħu minn tarf il-kaxxa salvat bi bravura minn Mizzi, biex b’hekk reġa’ kien strumentali għat-tim tiegħu.
Marsaxlokk skorjaw it-tielet goal fl-74 minuta meta Martin Adamec xeħet cross fil-baxx fid-direzzjoni ta’ ALEX DE AGUILAR GOMES li b’logħob tat-tfal u litteralment kemm jitfa’ l-ballun fix-xibka minn taħt il-lasta ma ħafirx.
U jidher li huma ma kinux kuntenti biżżejjed b’dan l-iskor hekk kif fis-76 minuta għamluhom erbgħa permezz ta’ freekick mill-isbaħ ta’ NIKOLAI MUSCAT li ma ta l-ebda ċans lil Mizżi, bil-ballun jispiċċa fis-saqaf tax-xibka.
U biex l-affarijiet ikomplu ġejjin ħażin għal Melita, minuta biss wara huma spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom il-player Gareth Barone, wara li rċieva żewġ karti sofor fil-partita.
Fl-84 minuta kompliet ix-xalata ta’ goals mix-Xlukkjari permezz minn freekick mill-isbaħ ieħor din id-darba tal-Arġentin LEANDRO AGUIRRE, bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka, biex b’hekk issiġilla r-rebħa kbira Xlukkajra.
Huma komplew jippressaw u proprju fid-90 minuta, Alex De Aguilar Gomes kellu daqqa ta’ ras mill-viċin tintemm ftit għoli.
Marsaxlokk komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Philip Farrugia
Plejer tal-Logħba: Yuri De Jesus Messias (Marsaxlokk FC)